Lokali

“Rokku kellu qalb tad-deheb” – sajjied anzjan jitlef ħajtu wara li ġibdu l-mewġ

Il-vittma kien ingħata Ġieħ iż-Żurrieq 4 xhur ilu

Anzjan ta’ 85 sena li kien qed jistad f’Wied iż-Żurrieq tilef ħajtu wara li ġibditu mewġa għal ġol-baħar.

Il-vittma ġie identifikat bħala Rokku Bonnici – raġel meqjus bħala wieħed mill-persuni sinonimi ma’ Wied iż-Żurrieq, u Żurrieqi b’qalb tad-deheb. Tant li sentejn ilu kien saħansitra hu stess li salva persuna mill-għarqa. Illum, id-destin ried xort’oħra.

Il-każ seħħ għall-ħabta tas-6:45am u fil-post kien hemm bżonn ukoll l-assistenza tal-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta biex itellgħu lill-anzjan lura lejn l-art permezz ta’ ħelikopter.

Madankollu, sfortunatament l-anzjan ġie ċċertifikat mejjet fil-post. Dwar dan il-każ għaddejja inkjesta mill-Maġistrat Astrid Grima.

F’Ġunju li għadda, Rokku kien ingħata l-unur ta’ Ġieħ iż-Żurrieq mill-Ispeaker Anglu Farrugia.

Din kienet it-tieni ħidma tal-Forzi Armati ta’ Malta fl-istess inħawi f’temp ta’ ftit sigħat. Dan wara li lbieraħ, Brittanniku ta’ 40 sena ttella’ permezz tal-ħelikopter wara li sab ruħu f’diffikultà fil-baħar.

Raġel Brittanniku salvat mill-AFM