Futbol Sport

Santiago Solari determinat li jieħu vantaġġ mill-opportunità li jmexxi lil Real Madrid

(Ritratt: EPA)

Il-kowċ temporanju ta’ Real Madrid Santiago Solari qal li Real Madrid iridu juru karattru, jum qabel l-ewwel logħba tiegħu fit-tmexxija tat-tim. Real Madrid jilagħbu llum kontra t-tim tat-tielet diviżjoni Melilla fit-Tazza tar-Re. Solari ħa post Julen Lopetegui, li tkeċċa wara t-telfa ta’ 5-1 li l-Madrileni sofrew kontra Barcelona l-Ħadd li għadda, telfa li biha niżlu fid-disa’ post fil-kampjonat.

“Il-plejers huma mweġġa’ imma jridu vera jdawru l-affarijiet. Dan hu tim ta’ rebbieħ, gwerriera, plejers li taw ħafna lil dan il-klabb. Ċerti mumenti huma aktar diffiċli u hemm fejn tara l-karattru ta’ dawn il-plejers,” qal Solari.

Ir-regoli Spanjoli jistipulaw li kowċis temporanji jistgħu biss ikunu fit-tmexxija għal ġimagħtejn u wara jrid jinstab sostitut permanenti. Dan jagħti lil Solari erba’ logħbiet fit-tmexxija, iżda mistoqsi dwar jekk il-ħatra tistax tkun permanenti, Solari wieġeb li hu pożittiv u se jagħmel dak kollu li jista’.

“Hi opportunità kbira, hu klabb kbir, u ma ngħidx dan issa bħala kowċ tal-ewwel tim. Kont f’dan il-klabb nagħmel affarijiet oħra. Il-klabb ta’ Real Madrid hu akbar minnha kollha, imma l-kobor tal-klabb jmissna kollha u jien irrid inkun parti minnha,” kompla l-Arġentin.

Lopetegui kien ħa post il-Franċiż Zinedine Zidane, li ħalla lil Real Madrid f’Mejju wara li għen lill-klabb jirbaħ it-tielet Champions League konsekuttiva. Zidane li għandu 46 sena, lagħab ma’ Solari ma’ Real Madrid bejn l-2001 u l-2005, u t-tnejn kienu promossi minn kowċis tat-tim B biex jieħu t-tmexxija tal-ewwel tim.

Solari tkellem fuq Zidane hu qal li l-Franċiż hu wieħed mill-akbar affarijiet li kellu l-klabb. Hu żied li l-aġġettivi li wieħed jaħseb mhux biżżejjed biex jiddeskrivu lil Zidane. L-Arġentin qal li Zidane hu kalm u kowċ mill-aqwa u saħaq li ħadd ma jista’ jikkompara ruħu miegħu.