Ambjent Lokali

SKEMA SKART: Iktar taħwid 24 siegħa qabel tibda titħaddem

24 siegħa qabel tibda titħaddem l-iskema tal-ġbir tal-iskart organiku…. jippersistu l-inċertezza u t-taħwid.

Minn mindu tħabbret deher biċ-ċar li din l-iskema kienet qed issir biss wara li l-Gvern ġie taħt pressjoni mill-Unjoni Ewropea. Dan meta Malta tinsab fl-aħħar post fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fejn jidħol l-immaniġġjar tal-iskart.

Maqbud f’paniku, u bit-theddida ta’ multi mill-Unjoni Ewropea jekk il-Gvern Malti ma jieħux passi biex itejjeb l-immaniġġjar tal-iskart ta’ pajjiżna, iddaħħlet l-iskema tal-ġbir tal-iskart organiku. Iżda n-nuqqas ta’ mpenn u serjeta’ minn naħa tal-Gvern ħarġu evident mill-mod mgħaġġel u ta’ kafkaf kif qed tiddaħħal.

Wara li ħareġ avviż legali miżgħud żbalji, u l-Oppożizzjoni talbet lill-Ministru biex jirrevedi dan l-avviż, Jose Herrera baqa’ jinsisti li jżomm l-avviż legali kif kien.

Illum, ftit sigħat bogħod mill-bidu tat-tħaddim tal-iskema, il-Gvern ħareġ avviż legali ieħor rivedut…imma dan ukoll hu mimli żbalji u ineżattezzi.

Għadd ta’ sindki, inkluz dawk laburisti, xejn ma huma komdi b’ kif saru l-affarijiet dwar din l-iskema.

Minkejja dan, il-Gvern baqa’ għaddej bla ma ta widen lil ħadd u minflok tefa’ responsabbiltà żejda fuq il-Kunsilli Lokali, li kellhom jieħdu fuqhom xogħol li ma kellhom jagħmlu huma. U dan bi spejjeż tagħhom sabiex jaraw li r-residenti jkunu moqdija u nfurmati.

Fl-aħħar jiem rajna kjuwijiet ta’ nies f’diversi lokalitajiet jistennew biex jiġbru l-organic bin li kellu jitqassam bieb bieb. Għad ta’ persuni għadhom sal-lum ma rċevewx il-bin u l-boroż, dan minkejja li t-tqassim kellu jibda f’Awwissu li għadda.

Barra minn hekk, għadha ma ssolvietx il-problema tal-lokalitajiet li għandhom il-ħin tal-ġbir wara nofsinhar u li jorbot lir-residenti li ma joħorġux l-iskart qabel jitilqu għax-xogħol filgħodu.

Il-Gvern biddel l-avviż li kine kritikat fuqu u li tant kien insista li ma kienx hekk bżonn jinbidel.  Issa ħareġ avviż li baqa ma solva xejn.