Sport Waterpolo

Stevie Camilleri jiskorja tripletta kontra ċ-champions Taljani Pro Recco

Il-plejer internazzjonali Malti Stevie Camilleri fetaħ il-kont personali tiegħu fil-kampjonat Taljan A1 bi tripletta kontra ċ-champions Taljani Pro Recco. Camilleri tilef l-ewwel logħba tal-kampjonat minħabba li kien sospiż.

Roma Nuoto sfaw megħluba 18-7 kontra tim mimli stilel u hu fost l-aqwa timijiet fl-Ewropa bi plejers ta’ fama internazzjonali bħall-gowlkiper Taljan Stefano Tempesti, Francesco di Fulvio, Dusan Mandic u l-eks plejers ta’ San Ġiljan u Sliema Guillermo Molina u l-eks plejer ta’ San Ġiljan Aleksandar Ivovic, bit-tim hu mmexxi mill-kowċ leġġendarju Ratko Rudic.

Il-partita ntlagħbet quddiem folla numeruża taħt l-attenzjoni wkoll tal-kowċ nazzjonali Taljan Alessandro Campagna. Pro Recco kellhom l-inizjattiva u mingħajr sorpriża rebħu l-logħba mingħajr diffikultà, kontra tim li għadu kemm ġie promoss u għandu qed isib saqajh fl-ogħla diviżjoni Taljana.

Pro Recco ħadu vantaġġ komdu ta’ 5-0 fl-ewwel sessjoni. Roma rnexxielhom isibu x-xibka fit-tieni sessjoni, b’Stevie Camilleri jniżżel ismu b’azzjoni personali mill-isbaħ u għeleb lil Tempesti biex skorja t-tielet gowl ta’ Roma. L-istess Camilleri għamel l-iskor 10-4 b’xutt minn pożizzjoni ċentrali, wara li Roma kienu b’superjorità numerika.

Wara l-mistrieħ, Pro Recco skorjaw erba’ gowls konsekuttivi, b’Roma jnaqqsu d-distakk għal darba oħra minn Stevie Camilleri, li skorja mix-xellug ukoll minn okkażjoni ta’ raġel aktar. Pro Recco għalqu s-sessjoni b’vantaġġ ta’ 16-5, biċ-champions Taljani jirbħu wkoll l-aħħar sessjoni għal skor finali ta’ 17-8.

Fl-azzjoni kien ukoll ħuh Jordan Camilleri li reġa’ kien fil-formazzjoni ta’ Roma, b’Camilleri jservi wkoll lil Francesco Faraglia biex skorja fl-aħħar sessjoni.

Roma jilagħbu r-raba’ logħba fil-kampjonat is-Sibt li ġej kontra Pallanuoto Trieste, fejn se jkunu qed ifittxu li jirbħu t-tieni logħba tagħhom bħalhom.