Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern jerġa jġib dan il-ġojjell li hija Malta fil-milja tiegħu. U dan għaliex il-PN dejjem emmen fin-nies. Tenna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq il-programm Iswed fuq L-Abjad imxandar fuq Net Television. L-intervista tmexxiet mill-Avukat Frank Psaila.
Min-naħa l-oħra, il-Gvern jitkellem biss dwar ċifri, turija ċara li wara biss ħames snin, Gvern Laburista inqata’ minn man-nies.
Adrian Delia kompla li l-GDP mhux l-uniku kejl tal-ekonomija, għaliex ħafna affarijiet li huma kruċjali għall-kwalita’ tal-ħajja ma jidhrux fil-kejl tal-Prodott Gross Domestiku
Dwar is-sitwazzjoni personali tiegħu, Adrian Delia qal li l-ħajja hija ħin misluf, bil-kisbiet u l-isfidi tagħha. Hu rringrazzja lill-biċċa l-kbira tal-media li rrispettaw ix-xewqa tiegħu għall-privatezza f’dan il-mument kif ukoll lill-politiċi miż-żewġ naħat li esprimew appoġġ għall-familja tiegħu.
Lura għall-Baġit, u Adrian Delia tkellem ukoll dwar id-dekasteru tal-Ġustizzja, Kultura u Kunsilli Lokali li dwaru hu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni. Hu qal li f’dan id-dekasteru, il-Gvern Laburista ikkalpesta l-kultura, ħonoq il-kunsilli lokali u nawwar il-pedamenti tal-ġustizzja.
Dwar Għawdex, il-Kap tal-PN qal li d-diskors tal-Baġit, kif ukoll dak li ġara f’dawn l-aħħar snin, urew li għall-Gvern, Għawdex huwa afterthought, minsi. Min-naħa l-oħra, wiegħed li Gvern Nazzjonalista jirrikonoxxi lil Għawdex bħala reġjun
Adrian Delia tkellem ukoll dwar il-Housing. Hu qal li meta jonfoq €20 miljun kull sena fuq positions of trust – li jfissru €100 miljun f’leġislatura ta’ ħames snin – il-Gvern kellu r-riżorsi biex iwettaq proġetti ta’ housing soċjali kieku verament jimpurtah minn dawk l-iktar vulnerabbli fis-soċjeta’ tagħna.
Marbut ma’ dan, hemm ukoll il-problema tal-kirjiet dejjem jogħlew. Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni lesta tgħin u għandha l-ideat iżda l-Gvern lanqas biss irid jammetta li hemm problema. Tenna li l-ewwel pass biex tissolva sitwazzjoni hi li tirrikonoxxi li għandek problema. Dan, il-Gvern Laburista, mhux qed jagħmlu. Mhux biss fil-qasam tal-kirjiet, iżda wkoll f’oqsma oħra bħas-sigurta’.
//= $special ?>