Futbol Sport

Alessio Romagnoli jagħti rebħa drammatika lil Milan

(Ritratt: EPA)

Milan kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta għelbu lil Genoa 2-1 b’gowl drammatiku lejn it-tmiem. Din il-logħba kellha tintlagħab fl-ewwel ġurnata tal-kampjonat iżda tħassret minħabba l-kroll tal-Pont ta’ Morandi. B’din ir-rebħa, Milan laħqu lil Lazio fir-raba’ post tal-klassifika.

Ir-Rossoneri kellhom bidu mill-aqwa u fetħu l-iskor wara erba’ minuti b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ SUSO minn pożizzjoni ċentrali li spiċċa fir-rokna tax-xibka.

Genoa bdew iżidu mal-ħin u bdew joħolqu xi periklu għal Milan, bit-tim ta’ Gattuso jonqos li jirdoppja biex jikkontrolla aħjar il-logħba. Genoa ġabu d-draw fis-56 minuta meta Tiemoue Bakayoko tilef il-ballun fil-kaxxa, il-ballun spiċċa għand Christian Kouame li krossja iżda l-ballun kien imxellef minn Alessio Romagnoli, bidel id-direzzjoni u qabeż lil Gianluigi Donnarumma biex spiċċa fix-xibka.

Milan bdew jagħfsu għat-tieni gowl iżda kienu qed ikunu frustrati  mill-avversarji, bil-gowlkiper Andrei Radu jsalva diversi drabi. Iżda kien żball tal-gowlkiper Rumen li ta r-rebħa lil Milan fil-91 minuta meta ħareġ biex imblokka parzjalment minflok ħataf il-ballun, li spiċċa fid-direzzjoni ta’ ALESSIO ROMAGNOLI li għolla saqajh biex qabbeż il-ballun u spiċċa fix-xibka.

Tags