Angel Di Maria se jibqa’ maċ-champions Franċiżi wara li ġedded il-kuntratt ma’ Paris Saint-Germain b’sentejn. L-Arġentin ta’ 30 sena kien ingħaqad ma’ PSG mingħand Manchester United fl-2015 u magħhom lagħab 150 logħba fil-kompetizzjonijiet.
L-istaġun li għadda għen lil PSG biex jirbħu t-trofej kollha domestiċi taħt Unai Emery. Dan l-istaġun, Di Maria kellu bidu pożittiv b’seba’ gowls u sitt assists fi 15-il logħba. Minn meta ngħaqad ma’ PSG, hu rebaħ darbtejn il-Ligue 1, darbtejn is-Super Cup Franċiża magħrufa bħala Champions Trophies u ż-żewġ trofej domestiċi tliet darbiet.
“Ninsab kuntent li ġeddejt il-kuntratt ma’ Paris Saint-Germain. Ħad pjaċir fl-aħħar tliet snin f’Pariġi fejn għandi dak kollu li għandi bżonn biex nilgħab l-aqwa futbol. Kull ġurnata nħossni onorat u motivat li nkun parti minn proġett ambizzjuż.”
Di Maria żied li flimkien ma’ sħabu għandhom aktar miri x’jilħqu u saħaq li se jkomplu jgħinu lil PSG biex jikbru bħala klabb fix-xena internazzjonali. Hu tenna li jinsab konvint li l-aqwa tagħhom għadu ġej.
//= $special ?>