Lokali

Ħafna mir-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur mhux jingħataw widen

Inqas minn nofs ir-rimarki tal-NAO ġew indirizzati

L-Awditur Ġenerali Charles Deguara ppreżenta lill-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia ġabra ta’ rapporti li saru fuq numru ta’ xogħlijiet ta’ verifika li twettqu fl-aħħar snin.

Għat-tieni sena konsekuttiva, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) reġa’ identifika numru ta’ verifiki li saru fl-aħħar snin bl-iskop li jevalwa kemm ġiet segwita l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li l-Uffiċċju kien għamel. L-iskop hu li jiġi stabbilit jekk, u b’kemm, in-nuqqasijiet li kienu ġew identifikati effettivament ġewx indirizzati mill-Ministeri u l-entitajiet konċernati.

L-Uffiċċju tal-Awditur innota li inqas minn nofs ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu ġew indirizzati b’mod sħiħ mill-Ministeri u l-entitajiet konċernati, 38% ġew indirizzati parzjalment, filwaqt li 15% ma ġewx indirizzati jew kien hemm ftit progress fuqhom.