Lokali Parlament

Il-Gvern bla pjan fil-kultura

– Therese Comodini Cahia, PN

Id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia qalet li dan hu gvern bla pjan u viżjoni fil-kultura.

Fil-parlament Therese Comodini Cachia qalet li l-Gvern spiċċatlu l-viżjoni dwar il-kultura u sostniet li l-gvern fadallu biss tliet proposti għas-settur tal-kultura, li tnejn minnhom juru li l-gvern ma jafdax lill-artisti biex imexxu entitajiet kulturali. Il-Gvern ma jafdax lil dawk li studjaw u għandhom esprjenza vasta fil-kultura. Dawn huma proposti li jinkludu biss jobs for the boys. Il-Gvern qed jaħtar persuni li l-artisti ma jriduhomx ida jagħżilhom biss il-ministru.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-Ministru tal-Kultura mar l-Olanda biex jiddefendi lil Jason Micallef u mhux biex jiddefendi lill-artisti Maltin u dak li jemmnu fih. Il-Ministru iddikjara li l-persuni ta’ Valletta 18 se jmorru fl-Aġenzija tal-Belt Valletta fejn jidher li Jason Micallef se jinżamm f’din l-aġenzija. Jason Micallef qed iwaqqa’ wiċċ l-artisti l-art.

Dwar il-Micas, hi sostniet li dan se jwassal għal tkabbir kulturali f’Malta iżda l-Ministru reġa’ għażlet lil Phyllis Muscat bħala chairperson u kkonferma li hi ma applikatx għall-post iżda għażilha l-ministru. Ir-remunerazzjoni tagħha twassal għal €35,000 iżda l-Ministru għall-Kultura għażel lil min ried meta hawn tant artisti kwalifikati.

Id-deputat Nazzjonalista tkellmet dwar il-viżjoni għall-kultura fil-kuntest ta’ infrastruttura li toħroġ il-qawwa tal-kultura u fejn il-kultura tkun politika riflessa f’kull settur tas-soċjetà.

Therese Comodini Cachia kompliet li l-artisti fis-settur kulturali u kreattiv għandhom jingħataw l-appoġġ sħiħ fejn anki jistgħu jintużaw il-kunsilli lokali biex tikber il-kultura. Hi staqsiet x’se jiġri mill-Belt Valletta fejnil-komunità tant tiċkien li ma tibqax issir diskussjoni dwar din il-komunità.

L-iżvilupp ekonomiku tal-Belt għandu jgħin lill-komunità u mhux biss lill-pajjiż. Hi appellat biex il-Kunsill Lokali tal-Belt jingħata l-appoġġ meħtieġ u staqsiet kif l-Aġenzija tal-Belt se taħdem mal-Kunsilli Lokali tal-Belt.

Id-deputat Nazzjonalista tkellmet dwar l-attivitajiet li jtellgħu l-artisti u l-kultura popolari u l-ispejjeż u appellat biex tingħata għajnuna lil attivitajiet kulturali li ma jkunux tal-massa. Dan għandu jsir billi dawk li poġġa l-gvern iżda ma jifhmux jibqgħu ma jindaħlux. Il-Gvern mgħandux jikkontrolla lill-artisti. Hi staqsiet fejn jinsabu l-librerija nazzjonali u l-arkivji fil-viżjoni tal-gvern.

Id-deputta Nazzjonalista tkellmet dwar il-lingwa Maltija u staqsiet dwar il-pjani tal-gvern għal traduzzjonijiet u produzzjonijiet barra minn Malta. Hi faħħret il-ħidma tal-pubblikaturi u kittieba Maltin. Jeħtieħ ekoloġija tal-arti u l-kultura, sostniet Therse Comodini Cachia.