Illum il-Qorti tal-Appell ikkonfermat il-verdett tal-ġuri li fih Melchior Spiteri, Bormliż ta’ 43 sena, ma kienx instab ħati li qatel lin-negozjant Vittorio Cassone. Cassone kellu 58 sena meta fit-13 ta’ Jannar 1993 inqatel fil-ħanut Chef D’Italie f’San Ġiljan.
Persuna mgħammda kienet daħlet fil-ħanut biex tisraq u sparat tir fid-direzzjoni ta’ Cassone wara li l-kaxxier kien sab diffikultà biex jagħtih il-flus. Il-pulizija arrestat lil Melchior Spiteri, u akkużatu bil-qtil ta’ Cassone. Huwa kien għadda ġuri fejn id-disa’ ġurati b’mod unanimu ma’ sabuhx ħati tad-delitt.
L-Avukat Ġenerali kien appella mis-sentenza fejn oġġezzjona għall-verdett milħuq mill-ġurati u anke għas-sentenza appellata. Dan billi qal li fil-kors tal-proċeduri quddiem l-Ewwel Qorti, meta l-indirizz tal-Imħallef kien riesaq lejn it-tmiem tiegħu, seħħet irregolarità gravi li affettwat radikalment il-verdett.
L-Avukat Ġenerali jgħid li meta l-Imħallef kien wasal biex jikkonkludi l-indirizz tiegħu lill-ġurati, id-Difiża talbet, permezz tal-Marixxall tal-Qorti, biex tkellem lill-Imħallef, liema talba kienet milqugħa.
Fis-sentenza tagħha, l-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi, l-Imħallef Joseph Zammit McKeon u l-Imħallef Edwina Grima qalet li ma kienx hemm l-iċken prova – lanqas fl-atti – li tista’ remotament tindika illi xi ħadd mill-partijiet sofra xi preġudizzju rreparabbli, jew illi l-indipendenza, l-imparzjalità u awtonomija tal-imħallfin tal-fatt ġiet b’xi mod mittiefsa.
Filwaqt li saħqet illi l-integrità tal-ġustizzja għandha s-sisien tagħha fuq id-dritt tas-smigħ xieraq li għandu jsir fil-pubbliku minn tribunal indipendenti, il-Qorti ċaħdet l-appell tal-Avukat Ġenerali u kkonfermat il-verdett tal-ġurati.
L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għal Melchior Spiteri.
//= $special ?>