Lokali

Il-minimu ta’ sena kirja mhux se sservi biex ittaffi l-problemi

Il-kwistjoni tal-kirjiet għandha tħares ukoll lejn l-aspetti relatati tal-housing soċjali

Il-Guardian of Future Generations fi stqarrija preżenta l-ewwel reazzjonijiet tiegħu għall-White Paper li preżenta l-Gvern dwar il-kirjiet – White Paper deskritta bħala pass fid-direzzjoni t-tajba. Iżda fl-istqarrija jitqajjmu punti li juru kif il-Gvern nesa ċertu setturi vulnerabbli tas-soċjeta’.

Il-Guardian of Future Generations iffoka fuq il-proposta li l-minimu tal-kirja tkun ta’ sena. “Realistikament, is-sena mandatorja għal kuntratt ta’ kirja mhux se sservi wisq, jew xejn, biex jittaffew l-ansjetajiet ta’ min jikri illi xorta se jkollhom ibiddlu darhom fi żmien qasir”.

L-istqarrija tgħid li huwa importanti li jkollna qafas regolatorju li jħares lil kulħadd, kemm lill-inkwilin u kemm lis-sid. Intqal li r-regoli tal-proprjetà f’pajjiżna għadhom ħafna lura. Is-suq Malti m’huwiex regolat kif suppost u jonqos minn dak li jixraq lil kwalunkwè pajjiż Ewropew modern. Il-liġi mhux ibbilanċjata.

Il-Guardian jemmen li l-kwistjoni tas-suq tal-kera għandha wkoll tiġi kkunsidrata b’mod usa f’kuntest li jqis id-djar soċjali. L-investiment li sar fi djar soċjali fl-aħħar snin huwa inaċċettabbli u dan jistgħu jindikaw li l-ewwel sinjali ta’ kriżi potenzjali tad-djar, li diġà qiegħda hemm.

Għalhekk il-White Paper għandha tagħti aktar prijorità biex jiġu indirizzati l-problemi tal-housing soċjali f’pajjiżna.

L-istess entità qalet li hemm bżonn li jkun hemm inċentivi li jirriżultaw f’żieda fin-numru ta’ kwalità tajba anki fil-proprjetajiet imqiegħda fis-suq tal-kera. Madankollu, dawn l-inċentivi għandhom jagħmluha attraenti għas-sidien biex jagħmlu l-proprjetà disponibbli għall-kera fi stat tajjeb.

Fid-dawl ta’ dan kollu Il-Guardian qal li l-White Paper għandha tirrapreżenta u jkollha pjan ħolistiku biex il-liġi tas-suq tal-kera tiġi emendata bl-aqwa mod possibli fejn permezz tad-diskussjoni din tħares lil kulħadd, u b’hekk jigwadanja kull settur fis-soċjetà Maltija.