Għawdex Lokali

It-treat tal-ġurnata (2) … il-bus shelter li mhu shelter xejn!

Żgur li dalgħodu ma kien hemm l-ebda treats għall-istudenti Għawdxin li kienu ġejjin b’tal-linja lejn l-Universita’. L-uniku treat li sabu ma wiċċhom, kien l-ilma tax-xita li kull darba li tagħmel maltempata, jqattar minn fuq il-bus shelter taċ-Ċirkewwa.

Il-Grupp Universitarji Għawdxin fi stqarrija qalu illi ilhom xhur li ilmentaw dwar dan il-bus shelter. Inkluż mal-Ministru Ian Borg. Iżda hu evidenti li ħadd ma ta widen.

Il-GUG fakkru li dan l-istage mhux utilizzat biss mill-istudenti, iżda anke mill-anzjani Għawdxin li jkunu qed jistennew tal-linja biex imorru għall-appuntamenti tagħhom, fost l-oħrajn fl-isptarijiet. Dan biex ma nsemmux in-numru kbir ta’ turisti li regolarment jgħaddu mit-terminal taċ-Ċirkewwa.

Il-Ministru Ian Borg kien iltaqa’ mal-GUG f’Ottubru ta’ sena ilu. Illum, il-bus shelter għadu mitluq, imsaddad u kollu jqattar.