Internazzjonali

Jerġa’ jitfaċċa l-każ ta’ Emanuela Orlandi

Fl-Italja reġa’ feġġ il-każ ta’ Emanuela Orlandi, bint impjegat tal-Vatikan li kienet għebet misterjożament fit-22 ta’ Ġunju tal-1983.

Għajbien li fih kien hemm ħafna intriċċi fosthom anki l-attentat fuq il-ħajja tal-Papa Ġwanni Pawlu II fl-1981.

Dan wara li nstabu għadam ta’ bniedem, aktarx mara, f’bini li jwassal għall-Ambaxxata tal-Vatikan f’Ruma f’Via Po. Il-fdalijiet instabu hekk kif kien qed isir xogħol ta’ manutenzjoni fil-bini u issa l-awtoritajiet Taljani ntalbu jinvestigaw. Fost il-fdalijiet li nstabu hemm il-kranju tal-vittma.
Ebda uffiċjal ma qal li hemm suspett li dawn huma ta’ Orlandi imma moħħ il-midja Taljana malajr mar fuq il-każ ta’ Orlandi.

Is-suspetti ewlenin dwar dawn l-għadam huma tnejn. Li huma ta’ Orlandi inkella ta’ Mirella Gregori, żagħżugħa oħra li kienet għebet f’Ruma fl-1983 f’ċirkostanzi simili għal dawk ta’ Orlandi.

Issa l-investigaturi qed jagħmlu eżami tad-DNA biex jippruvaw jikkonfermaw ta’ min huma l-fdalijiet, dan filwaqt li mhux qed ikun eskluż li l-fdalijiet jistgħu jkunu ta’ żewġ persuni differenti.

Ħaddiema li kienu qed jaqilgħu l-art fil-bini sabu skeletru kważi sħiħ u mbagħad ftit bogħod fdalijiet oħra.