Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ħejja filmat bil-karattru tan-Nanna Kola, li ħoloq mal-Kunsill Lokali tat-Tfal fl-aħħar xhur. Fih jagħti informazzjoni dwar l-iskeda l-ġdida tal-iskart li bdiet titħaddem.
Il-filmat juri lill-Kunsill Lokali tat-Tfal jispjega ġurnata b’ġurnata l-borża tal-iskart li trid tinħareġ u huwa mezz innovattiv kif l-Kunsill Lokali jwassal l-informazzjoni lir-residenti tas-Siġġiewi.
Dan il-filmat sar wara li ġimgħa ilu, il-Kunsill Lokali, fuq inizjattiva tiegħu, ippublika wkoll fuljett li tqassam bieb, bieb fid-djar, b’informazzjoni dwar l-iskeda l-ġdida tal-iskart. Dan filwaqt li fil-jiem li ġejjin, mistennija jintbagħtu wkoll fuljetti lir-residenzi rreġistrati fil-parti rurali tas-Siġġiewi, fejn ikun hemm arranġamenti differenti għall-ġbir tal-iskart.
Is-Sindku tas-Siġġiewi, Alessia Psaila Zammit qalet li l-Kunsill Lokali investa f’dawn l-inizjattivi hekk kif bosta residenti kienu qed jibgħatu mistoqsijiet lill-Kunsill Lokali, għaliex ħassew li ma kienux infurmati biżżejjed dwar kif se titħaddem l-iskeda l-ġdida, introdotta mill-Gvern.
Hi spjegat li minkejja li l-kampanja kienet qed titmexxa mill-Wasteserv, il-Kunsill Lokali ħass l-bżonn li jinvesti f’inizjattivi sabiex titwassal b’mod aktar effettiv l-informazzjoni lir-residenti.
Għalhekk, il-Kunsill Lokali investa f’fuljett u organizza sessjoni bis-sehem tal-Kunsill tat-Tfal u n-Nanna Kola, fejn wara li fehmu kif se titħaddem l-iskeda l-ġdida, għamlu wkoll l-filmat informattiv biex jintuża għall-kampanja fuq s-social media.
Is-Sindku fakkret li l-karattru tan-Nanna Kola u l-messaġġi ambjentali li twassal, huma parti minn proġett li nbeda wara li l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi kien rebbieħ tal-European Week for Waste Reduction fl-2016.
Għal darb’oħra, il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi se jkun qed jipparteċipa fil-European Week for Waste Reduction li ssir f’Novembru.
//= $special ?>