Kaos qawwi ħakem il-gżejjer Maltin matul il-jum tal-Erbgħa, b’eluf ta’ familji spiċċaw ma kienux jafu għandhomx jibdew isegwu l-iskema tal-ġbir ta’ skart organiku jew joħorġux il-borża s-sewda.

Dan meta l-iskema daħlet fis-seħħ fil-31 ta’ Ottubru minkejja n-nuqqas ta’ konsultazzjoni u ippjanar mill-Gvern biex din is-sistema titħaddem mingħajr intoppi.
Diversi persuni li tkellmu ma’ NET News innutaw l-ammont kbir ta’ boroż suwed li matul il-jum baqgħu jidhru fit-toroq għal diversi sigħat, saħansitra sa tard filgħaxija. Oħrajn sabu posthom fejn xi skip fil-qrib.
Dan seħħ minħabba li l-kolletturi tal-iskart kellhom direttiva biex iwaħħlu sticker fuq kull borża sewda li jsibu biex suppost il-familji jkunu nfurmati li din ma kellhiex tinħareġ l-Erbgħa. Iżda dan il-fatt ħoloq diffikultajiet ghall-familji.
Hafna ma kienux jafu x’se jagħmlu bil-borża s-sewda, u rrikorrew għand il-Kunsill Lokali tagħhom bit-tama li jkollhom xi forma ta’ gwida. Ittamaw li forsi l-Kunsill għandu ftit aktar informazzjoni mir-residenti. Iżda ma kienx il-każ!
Fosthom is-Sindku Laburista Sarah Agius Saliba, mart il-Kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew Alex Saliba, li sejħet din is-sitwazzjoni bħala “fjask” għax “tibgħat l-emails u lanqas iwieġbuk”. Dan filwaqt li kkonfermat li anke l-Kunsill ta’ Ħaż-Żebbuġ għandu din il-problema, b’għadd ta’ residenti qed imorru irrabbjati.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku Laburista tal-Fgura Pierre Dalli qal li mhux sew għar-residenti li l-Gvern “l-ewwel għamel rebus” umbagħad ir-residenti ntalbu jiġbru l-kontenitur minn Marsaskala jew Ta’ Qali. U dan hu ta’ diżappunt għal Dalli għall-mod kif uħud mir-residenti ġew stmati mill-Wasteserv.
Tenna li mbagħad, bil-wiċċ tost kollu, ir-residenti li ċemplu ntqalilhom biex iċemplu lill-Kunsill Lokali. U dan meta l-awtoritajiet iltaqgħu mal-Kunsilli darba biss, bil-bqija daqslikieku lanqas biss jeżistu fil-mappa.
Persuni oħrajn b’esperjenza fil-ħidma tal-Kunsilli Lokali, bħall-eks Kunsillier Laburista tal-Fgura John Anthony Azzopardi, qal li dak meħtieġ kien pjan fit-tul u mhux sempliċiment ifaqqgħu data mingħajr l-ebda pjan.
Ma’ dawn ingħaqdet ukoll l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (AKL), li fi stqarija ffirmata mill-President Mario Fava, ukoll esprimiet ir-rabja tagħha għall-mod ta’ kif sar il-proċess qabel it-tnedija ta’ din l-iskema. Qalet li dan wassal biex għal ħafna pressjoni bla bżonn fuq il-Kunsilli Lokali u l-ħaddiema tagħhom.
Bosta Sindki, Segretari Eżekuttivi, Kunsillieri Lokali u impjegati fil-Kunsilli kkummentaw fuq Facebook dwar kif il-Kunsilli Lokali spiċċaw iħallsu għall-aġir tal-Gvern li lanqas ikkonsulta xejn magħhom dwar l-iskema. L-għaġla wasslet biex il-Kunsilli qed ikollhom isolvu l-problemi li ħoloq il-Gvern.
//= $special ?>