Ġenituri ta’ studenti f’pajjiżna qed ikunu mwissija biex joqgħodu attenti wara li fl-aħħar jiem feġġew każi ġodda tal-iskabbja (scabies) fl-iskejjel.
Dan kien konfermat minn ittra li tqassmet f’numru ta’ skejjel, u li Net news irċieva kopja tagħha. L-iskabbja hi nfezzjoni ta-ġilda kkawżata mid-dudu tal-iskabbja meta dan iħaffer f’wiċċ il-ġilda.
Id-dudu jittieħed l-aktar minn kuntatt dirett fit-tul mal-ġilda u l-infezzjoni hi meqjusa li tittieħed malajr u b’mod faċli sakemm dawk affettwati ma japplikawx trattament mill-ewwel.
Madankollu l-problema hi li s-sintomi ġeneralment jiżviluppaw bejn ġimgħatejn u sitt ġimgħat wara l-ewwel kuntatt mal-persuna infettata.
Fl-ittra, maħruġa mid-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u prevenzjoni tal-Mard, il-ġenituri jiġu mwissija li t-tfal tagħhom jista’ jkun li ġew esposti għall-iskabbja fl-iskola.
Net News ipprova jagħmel kuntatt mal-Ministeru tas-Saħħa, fejn tlabna informazzjoni dwar liem skejjel huma affettwati u xi prekawzjonijiet ittieħdu. Madankollu, iktar minn 24 siegħa wara, bqajna bla tweġiba.
//= $special ?>