Futbol Sport

L-eks plejer Taljan Vincenzo Iaquinta jintbagħat sentejn ħabs

L-eks attakkant Vincenzo Iaquinta ngħata sentenza ta’ sentejn ħabs bħala parti minn proċess kriminali fil-qorti b’rabta mal-mafia. Iaquinta, rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja fl-2006, kien akkużat fl-2015 talli kellu pussess illegali ta’ armi tan-nar, kif ukoll l-intenzjoni li jgħin lill-grupp tal-mafia ta’ Calabria ‘Ndrangheta.

Ilbieraħ filgħodu, Iaquinta ngħata s-sentenza wara li nstab ħati ta’ pussess illegali ta’ żewġ pistoli u 126 bullet li nstabu fid-dar tiegħu f’Reggio Emilia fi Frari tal-2015, minkejja li ma nstabx ħati b’rabtiet mal-grupp tal-mafia.

Intant, missieru Giuseppe, instab ħati tal-affiljazzjoni mal-grupp ‘Ndrangheta u se jiskonta 19-il sena ħabs. It-tnejn urew il-frustrazzjoni fi tmiem il-proċess, fejn qalu li hi redikola. “Fil-familja tagħna, lanqas nafu x’inhi ‘Ndrangheta. Ma jistax ikun. Irrovinawli ħajti minn xejn għaliex jien minn Calabria. Qed inbati għall-familja u t-tfal u ma għamilt xejn,” qal Iaquinta.

Fis-smigħ li sar f’Mejju, Iaquinta kien spjega li xtara l-pistoli għal futur u xejn aktar u żied li meta waqaf jilgħab il-futbol, kien iqatta’ l-ħin fix-shooting range. L-eks plejer ma kienx intbagħat il-ħabs immedjatament hekk kif taħt il-liġi Taljana, dawk akkużati ma jkunux ikkunsidrati ħatja sakemm il-livelli kollha tal-appell ikunu milħuqa. Aktar minn 140 persuna tressqu l-qorti b’suspett li għenu lil Ndrangheta biex jinfiltraw in-naħa ta’ fuq tal-Italja.

It-Taljan ta’ 38 sena kien għamel id-debutt fis-Serie A ma’ Udinese fl-istaġun 2000/01 u lagħab magħhom għal seba’ staġuni fejn wara ngħaqad ma’ Juventus. Fl-istaġun 2011/2012 kien ingħaqad b’self ma’ Cesena u għalkemm ma lagħbx fl-istaġun ta’ wara, kien fl-iskwadra ta’ Juventus li rebħet il-kampjonat.

Mat-tim nazzjonali Taljan, Iaquinta lagħab 40 logħba u skorja sitt gowls. Wieħed minn dawn il-gowls wasal fir-rebħa ta’ 2-0 li l-Italja kellha kontra l-Ghan fid-debutt fit-Tazza tad-Dinja tal-2006.