Sport Sport Ieħor

Pieter Bregman jerġa’ jinħatar kowċ tat-tim nazzjonali Malti tal-hockey

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Hockey ħabbret li reġgħet ħatret lil Pieter Bregman bħala l-kowċ tat-tim nazzjonali Malti. Bregman se jmexxi lit-tim Malti għall-impenji kompetittivi li jmiss fil-EuroHockey Championship III f’Ġibiltà bejn it-28 ta’ Lulju u t-3 ta’ Awwissu tas-sena d-dieħla.

Malta se tilgħab f’Pool B kontra l-Kroazja, il-Portugall u s-Slovakkja. Pool A hu magħmul minn Ġibiltà, il-Litwanja, it-Turkija u l-Iżvizzera.

“Se nimmiraw li nispiċċaw mal-ewwel erbgħa f’Lulju s-sena d-dieħla. Irridu nippruvaw u nitilgħu livell, li jagħmel il-kompetizzjonijiet Ewropej interessanti aktar għall-klabbs tagħna u t-tim nazzjonali Malti,” qal Bregman.

Bregman diġà beda jaħdem biex jipprepara għal din il-kompetizzjoni. Hu se jagħżel skwadra ta’ bejn 26 u 28 plejer, bis-sessjonijiet se jibdew f’Jannar. Il-kowċ nazzjonali Malti ma għandux dubju li bl-attitudni u l-impenn pożittiv tal-plejers, kif ukoll is-sapport tal-assoċjazzjoni, Malti tkun tista’ titla’ mill-21 post li tinsab fih fir-ranking uffiċjali tal-European Hockey Federation.

Bregman saħaq li l-logħba tal-hockey għandha bżonn aktar żgħażagħ li jidħlu fil-klabbs biex jagħmlu dan l-isport aktar attraenti għall-pubbliku sportiv.

Il-President il-ġdid tal-Hockey Association Malta Gordon Mifsud, jinsab ċert li l-plejers tat-tim nazzjonali se jagħmlu dak kollu biex javvanzaw il-logħba kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn Malta. Hu żied li minkejja r-riżorsi limitati, l-assoċjazzjoni se tagħmel minn kollox biex tassigura li l-iskwadra jkollha l-aqwa preparazzjoni possibbli.

Tags