L-Assocjazzjoni Kunsilli Lokali, permezz tal-President tagħha Mario Fava, esprimiet ir-rabja tagħha għall-mod ta’ kif sar il-process tat-tqassim tal-kontenituri tal-iskart lir-residenti.
In-nuqqas ta’ pjanar adekwat wassal biex issir pressjoni bla bzonn fuq il-Kunsilli Lokali u l-ħaddiema tagħhom, meta dawn qatt ma kienu ikkonsultati qabel ma ttiehdu d-decizjonijiet dwar il-mod tat-tqassim.
It-tqassim kellu jsir minn kuntrattur imqabbad apposta u dan qatt ma kellu jkollu l-għażla li jqabbad persuni terzi biex jagħmlu dan f’ ismu. Dan kompla żied mal-kunfużjoni li nħolqot.
L-Assocjazzjoni temmen li dan wassal biex jagħti lok illi jkun hemm min jargumenta li la darba ma wasalx għandu l-kontenitur, allura ma jisseparax l-iskart tiegħu. Dan meta huwa ovvju li fuq il-bankini taghna jinħarġu l-boroż u mhux il-kontenturi. Għaldaqstant, dan il-process ma għinx biex ikun hemm il-koperazzjoni ta’ kulħadd.
Pero rridu nkunu ċari, li l-Kunsilli Lokali m’għandhom l-ebda ħtija għal fatt li għadd ta’ Lokalitajiet jew residenzi ghad m’għandhomx dawn il-kontenituri. Il-Kunsilli m’għandhomx obligu li jagħmlu dan u dawk il-Kunsilli li qed jgħinu f’ dan il-proċess qed jagħmluh bona volonta’ tagħhom sabiex joffri servizz liċ-ċittadin.
Il-Konsultazzjoni kellha ssir qabel tittieħed kwalunke deċiżjoni, bħalma sar dwar l-iskeda tal-ġbir, u dan japplika għal kull Entita’ jew Dipartiment tal-Gvern, meta u fejn ikun hemm mitluba l-assistenza tal-Kunsilli Lokali. Altrimenti, ma nistennewx li l-Kunsilli Lokali jrendu ruħhom f’ customer care għalihom.