Sport Sport Ieħor

Rafael Nadal jirtira mill-Masters ta’ Pariġi

(Ritratt: EPA)
Novak Djokovic se jitla' fil-quċċata tar-rankings

Rafael Nadal irtira mill-Masters ta’ Pariġi minħabba li weġġa’ l-muskolu tal-abdominal, biex b’hekk ifisser li Novak Djokovic għandu garanzija li jirritorna n-numru wieħed fid-dinja t-Tnejn. L-Ispanjol kien skedat li jilgħab l-ewwel logħba minn meta rtira mis-semifinali tal-Open tal-Istati Uniti kontra Juan Martin del Potro, iżda rtira ftit qabel il-logħba tat-tieni rawnd kontra Fernando Verdasco.

Nadal kien qed jimmira li jirbaħ l-34 titlu Masters u ried li jasal fil-kompetizzjoni daqs Djokovic biex jibqa’ fil-quċċata tar-rankings. Is-Serb li t-Tlieta għeleb lil Joao Sousa biex kiseb id-19-il rebħa konsekuttiva, se jsir l-ewwel tennist li kien barra l-ewwel 20 fir-rankings u spiċċa fuq quddiem fl-istess sena minn żmien Marat Safin fis-sena 2000.

Għadu mhux ċar jekk Nadal hux se jkun qed jieħu sehem fil-Finali ATP ta’ Londra x-xahar id-dieħel li se jagħlaq l-istaġun. Post Nadal ittieħed minn Malek Jaziri.

L-Ispanjol qal li t-tobba rrakkomandaw li ma jilgħabx wara li ħass ftit uġigħ fl-aħħar jiem speċjalment fis-service. It-tennist ta’ 32 sena kien sfurzat jirtira fil-kwarti tal-finali tal-Open tal-Awstralja kontra Marin Cilic, kif ukoll tilef avvenimenti f’Beijing u Shanghai minn meta rtira mill-Open tal-Istati Uniti f’Settembru.

“Kienet sena diffiċli għalija f’termini tal-injuries, u għalhekk nippreferi ma nagħmel xejn drastiku. Ma jkun tajjeb għal ħadd li jirritorna fil-court meta jaf li ma tkunx tista’ tilgħab l-aħjar tiegħek,” kompla Nadal.

Milos Raonic ukoll irtira mit-tournament minħabba li weġġa’ l-minkeb, u b’hekk Roger Federer għadda mal-aħħar 16. L-għoxrin darba rebbieħ ta’ Grand Slam jilgħab illum kontra Fabio Fognini.

Tags