Aaron Ramsey se jħalli lil Arsenal hekk kif jintemm il-kuntratt tiegħu fi tmiem l-istaġun. Rapporti fil-media Ingliża qed jgħidu li l-klabb informa lill-plejer li mhux se jkun offrut kuntratt ġdid.
Hu mifhum li l-midfielder mhux kuntent li ħadd mill-klabb ma spjegalu direttament ir-raġunijiet li ma joffrulux kuntratt wara xhur ta’ diskussjonijiet. Ramsey sar jaf mill-aġent tiegħu qabel tkellem fil-pubbliku fuq din il-kwistjoni l-ġimgħa l-oħra.
Ramsey issa jidher li aċċetta li dan se jkun l-aħħar staġun fl-Emirates Stadium wara għaxar snin ta’ servizz mal-klabb minn Londra. Hu sa issa lagħab 341 logħba u skorja 59 gowl minn meta ngħaqad magħhom mingħand Cardiff għal kważi €6 miljun fl-2008.
Hu kien strumentali fit-tim ta’ Arsene Wenger li rebaħ tliet darbiet l-FA Cup fl-2014, fl-2015 u fl-2017 fejn skorja l-gowl tar-rebħa f’żewġ finali minnhom. F’dan l-istaġun hu lagħab 15-il logħba taħt il-kowċ il-ġdid Unai Emery.
Emery kien kuntent bil-prestazzjonijiet ta’ Ramsey u l-ġimgħa l-oħra qal li jittama li l-plejer jibqa’ ffukat għall-kumplament tal-istaġun.
//= $special ?>