Sport Sport Ieħor

Sue Abela u Mark Spiteri jirbħu l-kampjonati nazzjonali tal-bowling

Mark Spiteri u Sue Abela rebħu l-kampjonat nazzjonali tal-bowling għal din is-sena. Spiteri rebaħ kompetizzjoni missielta minn Paul Gray u Dennis Mercieca li spiċċa fit-tieni u t-tielet post rispettivament. Spiteri ħareġ rebbieħ bis-serje ta’ 2753 punt, riżultat li tniżżel bħala l-ogħla serje fil-kategorija tal-kbar. Xhieda tal-kompetizzjoni missielta, kien il-fatt li Steve Cassar li spiċċa fis-sitt post, temm b’medja għola minn 200.

Sue Abela reġgħet rebħet il-kategorija tan-nisa, bil-veterana tibni vantaġġ mill-bidu li kien diffiċli biex jintlaħaq. Abela kkonċentrat fuq il-logħba tagħha biex spiċċat b’rekord nazzjonali tan-nisa, b’serje eċċezzjonali ta’ 1415 fl-ewwel rawnd. Hi nkurunat sena oħra pożittiva hekk kif fost unuri oħra mirbuħa, rebħet il-Malta Open Tournament. Marthese Cossai spiċċat it-tieni, u Liliana Spiteri temmet it-tielet, f’dik li kienet l-ewwel kompetizzjoni tagħha mal-kbar.

L-Uffiċjal Kap tal-Bank of Valletta Ernest Agius u l-President tal-Malta Ten Pin Bowling Paul Baldacchino ppreżentaw l-unuri lir-rebbieħa.