Internazzjonali

Teħlisha mill-mewt talli insulentat l-Islam

Il-Qorti Suprema f’ Islamabad, il-Pakistan, warrbet kundanna għall-mewt kontra Asia Bibi, mara Nisranija, li l-każ tagħha kien qanqal attenzjoni internazzjonali kbira.

Imma mal-aħbar li kienet inħelset mill-mewt, fit-toroq tal-Pakistan kien hemm protesti vjolenti kontra din il-maħfra. Bibi kienet ikkundannat fl-2010 wara li kienet akkużata minn xi ġirien Musulmani li kienet insultat lill-Profeta Mo-hammad waqt argument magħhom.

Hi dejjem sostniet li ma kienx minnu u l-ġirien kienu qed japprofittaw minn liġi kontroversjali biex jeħilsu minnha. Il-każ feġġ minn argument li kellha wara li ġabret ilma tax-xorb f’barmil b’tazza u għalhekk in-nisa Musulmani qalu li issa dak l-ilma seta’ jintrema għaliex kienet missitu b’idejha u peress li kienet Nisranija dan tħammeġ. Hawn inqala’ argument li wassal biex hi mbagħad sfat imsawta minn folla li marret id-dar tagħha u n-nies fil-folla qalu li hi ammetiet li kienet insulentat l-Iżlam.

Għalhekk il-Pulizija arrestaw-ha u f’dawn l-aħħar tmien snin hija nżammet iżolata f’ħabs f’Sheikupura, qrib Lahore. Hija ma kinitx fil-qorti meta nqara l-verdett.

Matul il-ġurnata tal-Erbgħa kien hemm dimostrazzjonijiet kontra l-verdett f’Karachi, f’Lahore, f’Peshawar u f’Multan. Imma l-każ mistenni jkompli jkun wieħed jaħraq. Meta kienet instabet ħatja, il-Gvernatur tal-Punjab, Salman Taseer, inqatel għaliex kien stqarr li ma kienx sew dak li ġara lil Bibi.

Il-qattiel tiegħu, Mumtaz Qadri, kien ingħata l-piena tal-mewt imma sar eroj fil-pajjiż tant li hemm santwarju kbir iddedikat lilu f’Islamabad u l-partitarji tiegħu ħolqu partit li fl-aħħar elezzjoni kiseb maż-żewġ miljun vot.