Sport Sport Ieħor

Damon Bonello jirbaħ l-ewwel attività ta’ Klassi A tal-Kampjonat Nazzjonali tat-Trials

(Ritratt: Mario Micallef)

Il-Ħadd li għadda beda l-istaġun tal-muturi bil-Kampjonat Nazzjonali Trials. L-ewwel attività saret fil-Barriera tal-Fawwara. Damon Bonello fuq mutur TRS rebaħ l-ewwel attività ta’ Klassi A b’16-il punt ta’ penalità fuq Antonio Leonardi fuq Gas Gas li temm b’21 punt, segwit minn Rowen Bonello fuq Beta daħal it-tielet b’31 punt ta’ penalità. Damon Bonello mar fuq quddiem wara li kellu s-sezzjonijiet numru tlieta, erba’ u ħamsa kienu mingħajr penalità u b’hekk inbidel ir-riżultat finali.

Fi Klassi B li fiha jipparteċipaw dawk li ġejjin mill-akkademja Maltija tat-Trials, kien hemm bidu tajjeb minn Julian Scicluna fuq Oset u Isaac Scicluna fuq Gas Gas, b’tal-aħħar joħroġ rebbieħ. Iż-żewġ sewwieqa kienu viċin xulxin fl-ewwel erba’ sezzjonijiet, b’Julian Scicluna jitlef ftit fl-aħħar żewġ sezzjonijiet.

L-attività li jmiss tat-Trials issir il-Ħadd 18 ta’ Novembru fil-Barriera tan-Naxxar, bl-attività tibda fid-9.00am. Ġimgħa wara ssir attività oħra tal-muturi Motocross fil-Kumpless tal-ASMK f’Ta’ Qali, bl-attività tibda fl-10.00am.

Il-Ħadd jibda l-istaġun Autocross

Il-Ħadd li ġej, l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi tidtaħ l-istaġun tal-karozzi bl-ewwel attività Autocross mill-Kampjonat Nazzjonali Pasta Poiatti. L-attivitajiet kollha se jsiru fil-Kumpless Sportiv tal-ASMK f’Ta’ Qali, bl-ewwel tiġrija tibda f’12.00pm.

F’dawn il-jiem, għaddejjin l-aħħar preparamenti biex il-korsa tal-karozzi tkun lesta mill-manutenzjoni annwali li din is-sena damet xahrejn. Din hi miżura ta’ sigurtà hekk kif kull sena, il-korsa jkollha bżonn numru ta’ interventi speċjalment fil-barriera tat-tyres matul il-korsa li hi twila kilometru u nofs. Barra minn hekk, sar xogħol biex fil-jiem li ġejjin il-korsa tkun tista’ terġa’ tibda tintuża f’żewġ direzzjonijiet.

Għal aktar informazzjoni, dawk interessanti jistgħu jidħlu fis-sit elettroniku tal-assoċjazzjoni www.asmk.org.mt, fil-paġna tal-facebook Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi, jibagħtu email fuq info@asmk.org.mt jew jagħmlu kuntatt fuq 99425489.

Tags