Futbol Sport

FUTBOL FL-ISTATI UNITI: Determinati għal logħba tal-La Liga f’Miami

Il-partitarji tal-futbol fl-Istati Uniti qed ikunu mitluba jiffirmaw petizzjoni fejn juru l-appoġġ għal pjan biex logħba tal-kampjonat Spanjol (La Liga) bejn Girona u Barċelona tintlagħab f’Miami, fl-Istat ta’ Florida. Dan meta l-FIFA hi kontra l-idea, bl-Assoċjazzjoni tal-Futbol ta’ Spanja u l-union tal-plejers Spanjoli (AFE) ukoll qed joġġezzjonaw li din il-logħba ssir barra pajjiżhom.

F’każ li l-konfront bejn Girona u Barċelona — programmat għal Jannar u li qed ikun ‘propost’ minn La Liga – jintlagħab f’Miami, dan ikun l-ewwel każ fejn logħba regolari ta’ kampjonat Ewropew tkun saret fl-Istati Uniti.

Intant, l-Amerikani wara l-kampanja ‘BringUstheGame’ qalu li ‘għaddejjin l-għajdut foloz’ dwar il-logħba. Il-petizzjoni, fuq l-inizjattiva ta’ La Liga North America, taqra: ‘Immaġinaw li taraw plejers bħal Luis Suarez u Philippe Coutinho (it-tnejn Barċelona) u Christhian Stuani (Girona) waqt logħba kompetittiva għall-punti fl-Istati Uniti’.

Hemm anki referenza ‘għall-problema fejn xi persuni nkarigati minn ċerti deċiżjonijiet qegħdin jinsistu bil-qlajja li logħba tal-La Liga fl-Istati Uniti ma tkunx tajba għal-logħba lokali’ – bil-messaġġ ikompli li ‘il-partitarji Amerikani jeħtieġu jinsistu bi ħġarhom għal din il-logħba peress li aktar ma jiġbru appoġġ aktar ikun diffiċli li huma jkunu injorati’.

Il-La Liga ta’ Spanja qablet biex tilgħab logħba waħda tal-istaġun fl-Istati Uniti bħala parti minn kuntratt ( validu għal 15-il sena) mal-kumpannija tal-media Relevant.

Intant, Girona u Barċelona, li huma ġirien Katalani, qablu biex imexxu id-‘derby’ għall-Hard Rock Stadium fis-26 ta’ Jannar, iżda dan ma jistax isir mingħajr l-approvazzjoni tal-FA Spanjola, il-FIFA, l-awtoritajiet ta’ US Soccer u l-Konfederazzjoni tal-Futbol għall-Amerika ta’ Fuq u Ċentrali u l-Assoċjazzjoni tal-Futbol tal-Karibew (Concacaf).

Min-naħa tagħha, it-tmexxija tal-La Liga qalet li lesta tmur quddiem il-Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport f’każ li l-FIFA timblokka l-proposta uffiċjalment.