Futbol Sport

FUTBOL SKOĊĊIŻ: Investigata l-vjolenza ta’ waqt id-derby ta’ Edinburgh

Il-Pulizija Skoċċiża qed tinvestiga ‘l-azzjonijiet vjolenti u bla sens’ li tappnu d-derby ta’ Edinburgh li ntlagħbet l-Erbgħa bil-lejl bejn Hearts u Hibernian u li spiċċat 0-0 fost numru ta’ xeni deplorevoli.

Intant, l-aktar azzjoni li spikkat waslet lejn l-aħħar tal-logħba meta l-kowċ ta’ Hibs, Neil Lennon, kellu jingħata trattament wara li ntlaqat minn munita li waddablu partitarju.

Dan seħħ xi sekondi wara li r-referi, fil-91 minuta, ħassar għal offside ‘gowl’ għal Hearts skurjat minn Clevid Dikamona u f’liema ħin Lennon, li kien qed jiċċelebra din id-deċiżjoni, intlaqat mill-munita f’rasu u spiċċa mal-art.

F’inċident ieħor vjolenti waqt din il-logħba tal-kampjonat, il-gowlkiper ta’ Hearts, Zdenek Zlamal, spiċċa attakkat minn partitarju u, wara l-logħba, raġel ta’ 25 sena inżamm taħt arrest wara li allegatament aggredixxa lill-assistant referi.

Min-naħa tiegħu, Lennon ikkundanna bla riservi din il-vjolenza ‘li qed tgħarraq il-logħba Skoċċiża’ waqt li ma żammx lura milli jikkundanna wkoll il-partitarju li waddablu l-minuta fejn qal li ‘jixtieq li, kieku, jiltaqa’ wiċċ-imb-wiċċ ma’ dak l-individwu’.

Sadanittant, Zdenek Zlamal deher jaqla’ daqqa mingħand partitarju ta’ Hibs meta mar biex jiġbor il-ballun minn wara l-lasta waqt il-logħba. Il-gowlkiper Ċek spiċċa mal-art u meta qam hu għamel ġest ta’ sfida fil-konfront tal-aggressur u fejn fil-pront spiċċa mira ta’ diversi oġġetti li bdew iwaddbulu l-partitarji ta’ Hibernian.

Neil Lennon – li kien anki sofra attakk minn partitarju ta’ Hearts meta kien il-kowċ ta’ Celtic – fisser l-aggrediment tal-gowlkiper ta’ Hearts bħala ‘redikolu’ u insista li ‘il-klabb ma jittollerax dan l-aġir mill-partitarji tiegħu.’

Sadanittant, kelliema għal Police Scotland qalu li l-investigazzjonijiet qed ikomplu u mistennija jwasslu, ‘il quddiem, għall-arresti.

Hibs spiċċaw id-derby b’għaxar plejers meta, fil-65 minuta, tkeċċielhom il-plejer Florian Klamberi wara li ntwera t-tieni karta safra. Wara dan id-draw, Hearts għadhom fil-quċċata tal-Premiership Skoċċiż b’26 punt minn ħdax il-logħba u fejn għandhom vantaġġ ta’ erba’ punti fuq Celtic, iċ-Champions tal-Iskozja, u li lagħbu logħba anqas.