Il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkonferma li l-familji Maltin u Għawdxin se jkollhom jagħmlu aktar xhur iħallsu kontijiet għoljin għad-dawl u l-ilma qabel ma jsib soluzzjoni kif se jirranġa l-mod ħażin li bih qed jinħarġu l-kontijiet.
Fuq l-istazzjon nazzjonali, Joseph Muscat ikkonferma li l-kontijiet qed jinħarġu ħażin iżda peress li dan huwa Gvern bla pjan, il-familji se jkollhom jistennew ix-xhur u jibqgħu ibatu sakemm isib soluzzjoni għax ma jafx kif se jirranġa l-mod ħażin kif qed jinħarġu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Għaldaqstant, sakemm il-Gvern isib soluzzjoni, l-familji se jibqgħu jinsterqu b’kontijiet li qed joħorġu aktar għoljin u spissi. Dan meta l-Gvern issa ilu jaf li l-kontijiet qed joħorġu ogħla milli suppost. Mill-istħarriġ li kien sar mill-kontijiet li n-nies ġabu għand il-Partit Nazzjonalista kien irriżulta li 80% kienu qed iħallsu aktar għad-dawl u l-ilma li jikkunsmaw.
Fi stqarrija, il-PN qal illi l-Gvern ta’ Joseph Muscat ma’ jistax jibqa’ jitnikker quddiem ir-rabja tal-poplu għal dan is-serq sfaċċat li ilu sejjer tal-anqas 3 snin u li dwarhom tkellmu individwi, akkademiċi u għaqdiet tal- konsumatur. Saħansitra ċittadini privati fetħu kawża dwar dawn il-kontijiet inġusti fl-2017 u l-Gvern sal-lum għadu m’għamel xejn. Dan meta r-roħs tad-dawl u l-ilma kienet il-wegħda ewlenija tal-Partit Laburista qabel l-elezzjoni tal-2013.
Il-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius qal illi l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem sabiex issir ġustizzja man-nies u min ħallas aktar milli suppost għall-kontijiet tad-dawl u l-ilma jieħu l-flus lura. Jekk il-Gvern mhux lest li jagħmel dan, Gvern Nazzjonalista se jagħti lura l-flus kollha li n-nies qed iħallsu aktar għad-dawl u l-ilma.
//= $special ?>