Skont stħarriġ li kien ippubblikat ilbieraħ, il-maġġoranza tal-Ġermaniżi jridu li s-Soċjal-Demokratiċi (SPD) jitilqu mill-koalizzjoni tal-Gvern immexxi mill-Kanċillier Angela Merkel.
Dan l-istħarriġ miċ-Civey għan-news portal t-online.de, jagħti raġun lill-fergħa l-aktar radikali tal-SPD li jsostnu li l-partit m’għandux ċans jirkupra minn sensiela ta’ riżultati diżastrużi fl-elezzjonijiet reġjonali. Dan sakemm jibqa’ fil-gvern. L-istħarriġ sab li 52 fil-mija tal-Ġermaniżi kienu jemmnu li l-SPD imissu jitlaq mill-koalizzjoni tal-Gvern wara li Merkel ħabbret li kienet se tirriżenja minn mexxej tal-Partit Demokraistjan (CDU) imma tibqa’ bħala Kanċillier.
Jekk l-SPD jitlaq mill-Gvern, ma jkunx hemm maġġoranza. Sadattant Merkel bdiet tiffaċċja sfidi kbar għall-isforz tagħha li tibqa’ sa tmiem dan l-aħħar mandat tagħha. Dan hekk kif avversarju tagħha antik Friedrich Merz ħabbar li se jikkontesta t-tmexxija tas-CDU. Merkel qalet li filwaqt li f’Di-ċembru ma kinitx se tikkontesta mill-ġdid il-kariga għal mexxej tas-CDU, hija riedet tibqa’ bħala Kanċillier sa tmiem il-mandat fl-2021.
Il-midja Ġermaniża qalet li Merz kellu ċans tajjeb li jiġi elett kap tas-CDU u b’hekk iċ-ċansijiet għall-ġejjieni ta’ Merkel bħala Kanċillier qed imajnaw. Merz jistenna sfida tajba għall-kariga minn Annegret Kramp-Karrenbauer, is-Segretarju Ġene-rali tas-CDU, u l-favorita ta’ Merkel. Jens Spahn, il-Ministru tas-Saħħa u kritiku ta’ Merkel ukoll qed ifittex din il-kariga. Imma stħarriġ tal-opinjoni pubblika mir-rivista Handelsblatt u Spiegel Online wera li l-Ġermaniżi jippreferu lil Merz.
//= $special ?>

