L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) qalet illi l-entità li topera bl-isem Maltese Scudo, u li għandha preżenza fuq l-internet, mhix liċenzjata mill-istess awtorita’.
Għalkemm din l-entità tindika li qed topera minn indirizz f’Malta, l-MFSA ma temminx li dan hu l-każ.
Fi stqarrija, intqal illi minn informazzjoni disponibbli għand l-MFSA, Maltese Scudo jidher programm ta’ investiment marbut ma’ munita virtwali “cryptocurrency”.
L-MFSA avzat lill-pubbliku f’Malta u barra minn Malta li Maltese Scudo mhix liċenzjata jew awtorizzata b’xi mod ieħor mill-MFSA biex tipprovdi xi servizzi ta’ investimenti finanzjarji li għalihom hi meħtieġa liċenzja jew awtorizzazzjoni oħra taħt il-liġi Maltija.
Għaldaqstant, konsumaturi tas-servizzi finanzjarji m’għandhomx jidħlu f’negozju jew tranżazzjonijiet mal-entità msemmija.
L-MFSA tappella lill-investituri u konsumaturi tas-servizzi finanzjarji biex qabel ma jagħmlu kwanlunkwe investiment jew jidħlu f’ebda transazzjoni ta’ servizzi finanzjarji jaċċertaw lilhom infushom li l-entità, li magħha qed isir l-investiment jew it-transazzjoni, hija awtorizzata li
tipprovdi dawk is-servizzi mill-MFSA jew minn xi regolatur ieħor tas-servizzi finanzjarji.