Il-belt Ġermaniża ta’ Munich u l-belt ta’ San Pietruburgu, fir-Russja, huma konfermati bħala ż-żewġ kandidati rivali għall-unur li jospitaw il-finali taċ-Champions League għall-2021.
Kelliema għall-UEFA qalu li l-federazzjonijiet tal-Ġermanja u r-Russja bagħtu dikjarazzjonijiet ta’ interess biex jorganizzaw il-finali u li dawn kienu l-uniċi federazzjonijiet li għamlu hekk sad-deadline ta’ bħallum ġimgħa.
Sadanittant, l-ibliet ta’ Vienna (Awstrija); Tbilisi (Georgia) u Seville (Spanja) esprimew l-interess li jospitaw il-finali tal-Europa League fl-istess sena (2021).
Dan waqt li l-ibliet ta’ Praga (Repubblika Ċeka) u Gothenburg (l-Iżvezja) huma kandidati għall-finali taċ-Champions League tan-nisa.
Il-kelliema għall-UEFA għamluha ċara, madankollu, li d-dikjarazzjonijiet ta’ interess ma jorbtu lil ħadd u li l-offerti formali jridu jintbagħtu, bid-dossiers tal-informazzjoni kompluti, sal-15 ta’ Frar li ġej.
Dan waqt li l-UEFA kkonfermat li mgħadux possibbli għall-Assoċjazzjonijiet tal-Futbol minn pajjiżi oħra li ma ddikjarawx l-interess ( s’issa) li jikkuntestaw għad-dritt biex jospitaw dawn il-finali.
L-eżekuttiv tal-UEFA għandu jiddeċiedi dwar il-belt li se tospita l-finali taċ-Champions League 2021 f’Mejju jew Ġunju li ġej.
//= $special ?>