Lokali

Ma jaqblux ma’ dak li qal Joseph Muscat

Il-ħaddiema u n-negozji għandhom jitħallew fil-libertà

Il-ħaddiema u n-negozji għandhom jitħallew fil-libertà biex ikollhom għażla jekk iridux jidħlu huma f’union jew le. Dan intqal mill-MEA, il-Malta Chamber of Commerce, Enterprise and Industry, u l-Malta Hotels and Restaurants Association b’reazzjoni għall-kummenti tal-Prim Ministru Joseph Muscat, fejn fil-Parlament stqarr li għandha tkun obbligatorja biex ħaddiema u negozji jkunu parti minn xi union jew assoċjazzjoni.

Dawn l-entitajiet qalu li stqarrija bħal din ixxekkel il-libertà tal-espressjoni, u li jekk dan isir se tpoġġi lill-ħaddiema u n-negozji fi skumdità kbira. Huma qalu li tessera obbligatorja f’xi union mhux bilfors isservi bħala dritt fundamentali tal-individwi, iżda anzi xxekkel l-individwalità tal-istess persuna.

L-istess entitajiet qalu li huwa fid-dmir tal-unions li jwettqu ħidma sfieqa biex il-messaġġ tagħhom jolqot lil aktar nies, u b’hekk tkun aktar rappreżentattiva.

Intant l-istqarrija tgħid li meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra tal-UE, Malta għandha fost l-ogħla rata ta’ impjegati membri mal-unions tal-ħaddiema. Din hija indikazzjoni ċara li l-ħaddiema mhumiex imxekkla bl-ebda mod milli jsiru membri tat-trade unions u li din l-idea ta’ Joseph Muscat għandha tiġi mwarrba.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet li saret wara li ntemm id-diskors tal-Budget, il-Prim Ministru tkellem dwar il-proposta li għamlet il-GWU fejn issuġġeriet biex min iħaddem jassoċja ruħu f’unions ta’ min iħaddem u l-ħaddiema jingħaqdu f’unions tal-ħaddiema. Li ma ssemmiex hu li din kienet proposta tal-UĦM Voice of the Workers u li kienet tħabbret f’diskussjoni bejn il-politiċi, fosthom il-Prim Ministru, u l-union waqt il-Konferenza Ġenerali tal-UĦM li saret f’Diċembru 2015.