Futbol Sport

Projbit milli jilgħab għall-Korea t’Isfel minħabba rekords foloz

Id-difensur tal-Korea t’Isfel, Jang Hyun-soo, spiċċa projbit għal għomru milli jirrappreżenta pajjiżu wara li nstab li kien iffalsifika rekords relatati għall-eżenzjoni tiegħu mis-servizz militari. Intant, Jang, li jilgħab ma’ FC Tokyo, fil-Ġappun, u li kien membru tat-tim tal-Korea t’Isfel li fl-2014 rebaħ il-midalja tad-deheb waqt il-Logħob tal-Asja, f’Incheon, weħel ukoll multa ekwivalenti għal aktar minn 22,000 ewro.

Fil-Korea t’Isfel, l-irġiel kollha li jissodisfaw il-kriterji fiżiċi jridu jagħtu sentejn ta’ servizz militari bħala parti mill-impenn nazzjonali biex jinżamm id-deterrent kontra l-Korea ta’ Fuq komunista. Intant, l-atleti jistgħu jkunu eżenti mis-servizz jekk huma jirbħu midalja fl-Olimpjadi jew midalja tad-deheb waqt il-Logħob tal-Asja.

L-aħħar plejer tal-futbol ta’ profil għoli li aċċerta minn din l-eżenzjoni kien l-attakkant ta’ Tottenham Hotspur, Son Heung-min, li f’Settembru mexxa lill-Korea t’Isfel għall-midalja tad-deheb waqt l-aħħar edizzjoni tal-Logħob tal-Asja f’Jakarta, fl-Indoneżja.

Bħala parti mill-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni, l-atleti fil-Korea t’Isfel iridu jgħaddu minn erba’ ġimgħat ta’ taħriġ militari bażiku waqt li jagħtu akar minn 500 siegħa servizz fil-komunità, fuq perjodu ta’ tliet snin.

Intant, Jang, li lagħab 58 darba għal pajjiżu, ammetta li ssottometta r-rekords foloz dwar is-sigħat tas-servizz fil-komunità u l-Assoċjazzjoni tal-Futbol f’Seoul iddeċidiet li ‘tagħmel eżempju’ mid-difensur ta’ 27 sena li kien lagħab fit-tliet logħbiet (kollha) tal-Korea t’Isfel waqt il-fażi tal-gruppi fit-Tazza tad-Dinja ta’ din is-sena, fir-Russja.