Fl-isfond tad-daqq tal-qniepen, f’knisja ippakjata bin-nies, ingħatat l-aħħar tislima lil Rokku Bonnici, sajjied ta’ 85 sena li tilef ħajtu traġikament it-Tlieta li għadda f’Wied iż-Żurrieq. Il-funeral sar fil-Knisja Parrokkjali taż-Żurrieq, f’tislima li għaliha attendew diversi qraba u ħbieb. Diversi bnadar fil-lokalità taż-Żurrieq ittajeu mezz’asta
Rokku kien maħbub minn kuħadd u magħruf bħala bniedem ta’ qalb tajba Matul iċ-ċelebrazzjoni ta’ ħajtu, hu kien deskritt bħala missier b’qalb kbira, bniedem mill-aħjar li dejjem kien lest biex jgħin.
Kellu imħabba speċjali għas-sajd, li kien ix-xogħol u d-delizzju tiegħu. Hu ta’ spiss kien iqatta’ l-ħin jistad fl-inħawi ta’ Wied iż-Żurrieq. Filfatt kellu jkun dan l-istess delizzju li swielu ħajtu. It-telfa ta’ Rokku bla dubju qanqlet niket kbir, iżda ħarsa waħda lejn il-knisja mimlija nies turi kif b’sempliċi tbissima, Rokku mess il-qlub ta’ ħafna nies.
Ironikament l-istess Rokku, sentejn ilu, kien salva ħajjet persuna oħra mill-għarqa fl-istess inħawi fejn tilef ħajtu hu. B’rabta ma’ dan ħames xhur ilu, Rokku kien ingħata l-unur ta’ Ġieħ iż-Żurrieq mill-Ispeaker Anġlu Farrugia.
//= $special ?>

