It-tennista Serb, Novak Djokovic, is-seed numru tnejn tad-dinja, se jiffaċċja lill-Kroat, Marin Cilic, fil-kwarti-finali tal-Paris-Masters. Dan wara li l-avversarju mill-Bosnja, Damir Dzumhur, kellu jirtira mil-logħba minħabba injury f’dahru u meta s-Serb kellu vantaġġ ta’ 2-1 fit-tieni sett wara li kien rebaħ l-ewwel wieħed, 6-1.
Intant, Djokovic, iċ-champion ta’ Wimbledon u l-US Open, kien f’kontroll assolut kontra Dzumhur u li miegħu ma kellux jiffaċċja mqar break point wieħed.
Intant, Cilic irnexxielu jegħleb ir-reżistenza tal-Bulgaru, Grigor Dimitrov (is-seed numru disa’) – 7-6 (7-5) 6-4 – u mistenni joffri sfida qawwija lil Djokovic fil-kwarti-finali. Fil-fatt, il-Kroat, din is-sena, irnexxielu jegħleb lil Djokovic fil-finali tal-Queen’s, f’Londra.
Wara li l-Ispanjol, Rafael Nadal, kellu jirtira mill-Paris-Masters, Djokovic, issa, hu ċert li jsir il-lider ġdid tar-rankings u meta, il-ġimgħa d-dieħla, ikun ikkonfermat bħala n-Nru.1 tad-dinja għall-ewwel darba minn Ottubru tal-2016.
//= $special ?>