Kull ġurnata li tgħaddi l-kriżi tas-Satabank tkompli tippersisti. In-nies qed isofru, u l-kontijiet huma blukkjati.
Fid-dawl ta’ dan il-GRTU, fi stqarrija sostniet li dawn il-klijenti issa qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ problemi finanzjarji kbar. Numru kbir ta’ ħaddiema bdew iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet biex iwaqqfu kont bankarju f’banek ohra f’pajjiżna. Ħafna negozji u ħaddiema Maltin, li għandhom kontijiet f’dan il-bank, issa jinsabu fi stat ta’ disprament.
Il-GRTU tinsab għaddejja b’diskussjonijiet kemm man-negozji kif ukoll mal-awtoritajiet relevanti biex tipprova tnaqqas ir-riperkussjonijiet li dan qed ikollu fuq in-negozji.
Skont rapport fil-gazzetta ‘The Malta Business Weekly’, klijent Malti stqarr li ħafna persuni qed jiffaċċjaw falliment finanzjarju. Kumpaniji tal-gaming ma jistgħux jaċċessaw il-kontijiet tagħhom, filwaqt li bosta ħaddiema ma jistgħux jaċċessaw il-pagi tagħhom. U f’din is-sitwazzjoni, l-MFSA mhu qed tagħmel xejn.
L-istruzzjonijiet li tat lill-klijenti tas-Satabank kienu biex imorru jiftħu kontijiet f’banek oħra. Però biex dan isir iridu jgħaddu ġimgħat jekk mhux ukoll xhur biex jinfetaħ kont bankarju ieħor. Jekk l-MFSA hija vera interessata fil-konsumaturi, allura għandha tagħtihom aċċess għall-kontijiet tagħhom u tissanzjona biss dawk li huma suspettużi, jghid ir-rapport f’dan il-gurnal.
Kumpaniji qed jinsistu mal-MFSA li hemm il-ħtieġa li jkun hemm bank alternattiv biex dawn il-kumpaniji jkunu jistgħu jkomplu bil-ħidma tagħhom. Jekk dawn il-kumpaniji tal-igaming jispiċċaw biex jitilfu l-klijenti tagħhom, dan ikun ta’ detriment kbir għall-ekonomija Maltija. Dan għaliex is-settur tal-igaming jikkontribwixxi mal-1.2 bljun ewro fl-ekonomija ta’ pajjiżna.
Sal-lum, il-maġġoranza tal-klijenti għad għandhom il-flus tagħhom maqbuda wara diversi jiem ta’ terturi fejn ma jafux x’se jsir minn flushom.
//= $special ?>
