Lokali Qorti

Akkużat li stupra tifla b’mod regolari

Fil-Qorti lbieraħ kienet żvelata storja mill-aktar xokkanti ta’ raġel li stupra tifla żgħira fuq perjodu twil ta’ żmien, b’mod regolari u minn wara dik li darba kienet is-sieħba tiegħu u li tiġi omm l-istess tifla.

Fiċ-ċentru ta’ din l-istorja raġel mill-Ħamrun li għandu 34 sena u li jinsab akkużat, fost l-oħrajn, bl-istupru ta’ din it-tifla, li llum għandha tlettax-il sena.

Xokkanti kienu l-ewwel dettalji maħruġa mill-Prosekuzzjoni lbieraħ fil-Qorti fejn il-Pulizija fissret li mill-investigazzjonijiet tagħha jirriżulta li dan l-istupru ilu għaddej għal żmien relattivament twil u allura t-tifla kienet ferm iżgħar milli hi llum.

Il-Qorti semgħet ukoll kif din it-tifla tiġi bint l-eks ħabiba tal-istess raġel. Ir-relazzjoni bejn il-koppja issa ilha mhux ħażin li ntemmet iżda r-raġel, minn wara dahar l-eks ħabiba tiegħu, jirriżuta li baqa’ xorta waħda jiltaqa’ mat-tifla tagħha u flimkien kienu jagħmlu atti sesswali.

Fil-Qorti l-Pulizija fissret kif din it-tifla, minħabba din l-istil ta’ ħajja u b’riżultat dirett ta’ dawn l-abbużi sesswali sfaċċati fuqha, tinsab f’sitwazzjoni fejn il-bżonn sesswali tagħha tfittxu mhux għaliex taf xi trid.

Il-Pulizija spjegat lill-Qorti wkoll li l-abbuż ta’ din it-tifla ilu għaddej minn meta dan ir-raġel kien diġà f’relazzjoni ma’ ommha. Dakinhar, iżda, kien jilgħabha ta’ father figure, iżda xorta waħda kien ikollu x’jaqsam magħha sesswalment.

Dan kollu jfisser kif dan ir-reat gravi u mill-aktar serju ta’ abbuż sesswali fuq din it-tifla ċkejkna ilu għaddej qatigħ u mhux biss, iżda b’mod kontinwu, fejn il-laqgħat bejn ir-raġel u din it-tifla kienu jsiru b’mod organizzat u maħsub.

Sa darba minnhom, kompliet tispjega l-Prosekuzzjoni, ir-raġel ħa lit-tifla biex tara logħba ballun, u wara l-laqgħa ta’ bejniethom kompliet billi hu hu kellu attività sesswali magħha fil-karozza tiegħu.
Tul din is-seduta xokkanti lbieraħ filgħodu l-Qorti daret fuq l-istess raġel u staqsietu xi jwieġeb għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu. Il-Ħamruniż wieġeb li hu ma kienx ħati ta’ dawn ir-reati li tressaq il-Qorti akkużat bihom.

Hawnhekk l-Avukat Difensur spjega lill-Qorti li din it-tifla kellha relazzjonijiet sesswali oħrajn ma’ terzi persuni, u dan bil-kunsens tagħha stess.

Informa lill-Qorti wkoll li saħansitra din it-tifla kienet tibgħat ir-ritratti tagħha bla ħwejjeġ lil dan ir-raġel, li issa jinsab wara l-iżbarra.

L-Avukat Difensur talab lill-Qorti biex l-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest bl-argument tiegħu jkun li ma hemmx biża’ li hu jaħrab mill-pajjiż u lanqas li jkun hemm xi intraċċ tal-provi.

Il-Prosekuzzjoni min-naħa tagħha oġġezzjonat għat-talba tad-Difiża u qalet li kien fadlilha aktar xhieda ta’ persuni x’jixhdu f’dan il-każ, inkluż ix-xhud prinċipali – l-istess tifla. Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti qalet li f’dan l-istadju ma jkunx għaqli li dan ir-raġel jingħata l-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti osservat ukoll li mill-fedina penali tiegħu, l-istess Ħamruniż mhux l-ewwel darba li xellef difrejh mal-Pulizija u mal-Ġustizzja.