Internazzjonali

Aktar imwiet mill-maltemp fl-Italja

Il-maltemp aħrax li baqa’ jiddomina fl-Italja sewa l-ħajja ta’ mill-anqas ħames persuni oħra, waqt li numru ta’ villaġġi u toroq spiċċaw iżolati fost inċidenzi ta’ valangi tal-art.

Aktar kmieni fil-ġimgħa kienu mietu tnax il-persuna waqt li l-irwiefen assedjaw zoni sħaħ lejn it-Tramuntana u l-Punent tal-Italja. Ħafna mill-vittmi tilfu ħajjithom taħt siġar li ċedew fuqhom wara li nqalgħu mill-għeruq. L-agħar zoni affettwati fit-Tramuntana mbiegħda tal-Italja jinkludu Trentino u Veneto, fejn kellhom jagħlqu l-iskejjel.

Intant, numru ta’ valangi tat-tajn għalqu l-aċċess minn triq ewlenija fid-Dolomiti.

Saret ukoll straġi kbira fit-toroq madwar Belluno, wara li ħamest ijiem ta’ maltemp konsekutivi kkaġunaw gliegel tat-tajn u valangi tal-blat fost l-għargħar.Dan waqt li rwiefen b’veloċità ta’ 120 kilometru fis-siegħa ‘niżżlu’ eluf ta’ siġar fil-wied ta’ Fiemme.

B’kollox hu stmat li fil-maltemp inqerdu mal-1.5 miljun metri kubi ta’ siġar bil-maltemp iħalli impatt ‘terribbli’ għas-servizzi pubbliċi, tant li għexieren ta’ eluf ta’ Taljani, ilbieraħ, spiċċaw mingħajr dawl.

L-aħħar informazzjoni dwar il-vittmi kkonfermat li mietu erba’ fl-inħawi lejn it-Tramuntana, fosthom raġel u mara li l-karozza tagħhom spiċċat taħt siġra mqaċċta.Il-‘ħames mewta’, fl-aħħar sigħat, kienet dovuta għal incident bil-karozza waqt ix-xita kontinwa f’Ruma, u fejn kellhom jagħlqu xi stazzjonijiet tal-ferrovija tas-sistema underground.

Fi Sqallija, numru ta’ toroq u arterji prinċipali – inklużi f’Palermo — spiċċaw taħt għargħar waqt li l-villaġġ pittoresk ta’ Portofino, mal-kosta lejn il-Majjistral tal-Italja, ilu iżolat għal diversi jiem, b’konsegwenza tal-maltemp.