L-aktar partita li tispikka mid-disa’ ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier hi żgur id-derby mistenni bejn Valletta u Floriana. Birkirkara hu wieħed mill-aktar timijiet taħt pressjoni filwaqt li Gżira u Hibernians jittamaw li jkomplu l-forma pożittiva tagħhom.
Senglea u Qormi se jkunu qed ifittxu li jagħlqu d-distakk minn mat-timijiet ta’ fuqhom u timijiet bħal Pietà, Tarxien u Mosta iħarsu li jitilgħu lejn nofs il-klassifika.
Valletta v Floriana
Id-derby l-aktar mistenni f’pajjiżna wasal f’mument differenti għaż-żewġ timijiet. Valletta ġejjin minn sitt rebħiet konsekuttivi u bl-attakk fl-aqwa forma possibbli, filwaqt li Floriana għadhom ma sabux saqajhom f’dan l-istaġun.
Valletta rkupraw bil-kbir wara ż-żewġ telfiet fil-bidu tal-kampjonat, u minbarra s-sitt rebħiet konsekuttivi skorjaw 27 gowl u sofrew tnejn biss. Floriana għadhom ma sabux il-konsistenza f’dan l-istaġun u ġejjin minn żewġ telfiet konsekuttivi.
Dan se jkun ukoll l-ewwel konfront li l-aqwa skorer tal-kampjonat Mario Fontanella se jilgħab kontra l-eks tim tiegħu. L-istennija għal din il-logħba tibqa’ klassika, u wieħed jittama li ż-żewġ settijiet ta’ partitarji jattendu bi ħġarhom.
Birkirkara v Sliema W.
Jekk hemm tim li jinsab taħt pressjoni hu Birkirkara. Wara kampanja akkwisti impenjattiva, Birkirkara rebħu erba’ logħbiet u tilfu erba’ logħbiet u jinsabu f’nofs il-klassifika, sitwazzjoni li saħansitra qed tpoġġi pressjoni fuq il-kowċ Paul Zammit.
Sitwazzjoni pjuttost differenti għal Sliema li bħalissa jinsabu fir-raba’ post u kellhom bidu aħjar mill-aħħar snin. It-telfa kontra Hibernians jista’ jkun li poġġiet lis-Slimiżi konxji biex ma jaħsbux li waslu x’imkien, iżda żgur li se jidħlu għal din il-logħba aktar komdi mill-avversarji.
Pietà H. v Gżira U.
Il-leaders Gżira United għandhom konfront li minkejja li jibdew favoriti, jista’ jkun delikat. Il-Maroons kellhom bidu mill-aqwa u wara tmien logħbiet waqqgħu biss żewġ punti. Il-moral fit-tim ta’ Darren Abdilla, iżda l-kowċ ta’ Gżira jrid iżomm lit-tim iffukat wara rebħiet ta’ 1-0 kontra Qormi u Senglea. Pietà rebħu 2-1 kontra Floriana fl-aħħar logħba u sa issa kellhom prestazzjonijiet tajbin li mhux dejjem issarrfu f’rebħ ta’ punti.
Mosta v Hibernians
Hibernians huma fost l-aktar timijiet fil-forma bħalissa u għalhekk għandhom jitqiesu favoriti li jiksbu rebħa oħra biex jibqgħu mal-ewwel timijiet fil-klassifika. Il-kowċ Stefano Sanderra qed jaħdem aktar biex ikun solidu fil-fażi difensiva li sa issa sofriet 10 gowls, u l-fatt li Hibernians ma sofrewx gowl fl-aħħar logħba, żgur li jitqies pożittiv għall-kowċ Taljan.
Mosta ġejjin minn telfa kbira ta’ 5-0 kontra Valletta, iżda r-riżultat finali ma għandux iħassar il-prestazzjoni ta’ Mosta li ħolqu l-okkażjonijiet u setgħu skorjaw diversi drabi. Is-sitwazzjoni tagħhom mhix komda bħalissa u meta wieħed jikkunsidra li jmisshom kontra Floriana, Birkirkara u Gżira, iridu jiksbu l-punti.
Balzan v St. Andrews
Żmien partikolari għal Balzan li donnu teżisti inċertezza fil-kredenzjali tagħhom li jerġgħu jisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat. Fl-istaġun li għadda, Balzan sofrew telfiet, l-istess ammont li sofrew f’dan l-istaġun wara biss tmien logħbiet.
Inċidentalment, St. Andrews ukoll ġejjin minn telfa ftit mistennija kontra Senglea Athletic u l-kowċ Johann Scicluna għandu biċċa xogħol biex jerġa’ jgħaqqad lit-tim. Balzan sofrew żewġ telfiet fl-aħħar tliet logħbiet kontra Valletta u Gżira, u l-kowċ Marko Micovic żgur li jrid jevita dak li ġara l-istaġun li għadda, meta Balzan kienu tilfu kontra St. Andrews.
Qormi v Ħamrun S.
Ħamrun Spartans għandhom ċans li jibnu fuq ir-rebħa kontra Birkirkara. Huma jibdew favoriti kontra Qormi, tim li ġej minn ħames telfiet konsekuttivi u qed jaqsam l-aħħar post ma’ Senglea Athletic.
Il-Qriema għandhom l-agħar attakk b’sitt gowls skorjati filwaqt li Ħamrun għandhom fost l-aħjar difiża, tant li f’ħames logħbiet minnhom ma sofrewx gowl. Il-kowċ ta’ Qormi Brian Spiteri żgur li ħadem fuq l-aspett psikoloġiku fit-tim wara li kellhom prestazzjoni sodisfaċenti kontra Tarxien iżda spiċċaw b’idejhom vojta.
Senglea A. v Tarxien R.
Ir-rebħa fl-aħħar konfront kontra St. Andrews, nislet fiduċja ġdida li Senglea Athletic jistgħu jirkupraw wara bidu negattiv hekk kif kisbu punt biss minn seba’ logħbiet. Tarxien ukoll ġejjin minn rebħa, tliet punti li waslu lejn it-tmiem kontra Qormi. Għalihom din ir-rebħa kienet importanti minħabba li kienu tilfu t-tliet logħbiet preċedenti u għalhekk riedu jirbħu biex jitilgħu fil-klassifika. Din il-logħba tippreżenta opportunità tajba għaż-żewġ timijiet, Tarxien biex jitilgħu f’nofs il-klassifika u Senglea biex jinqalgħu mill-qiegħ tal-klassifika.
Logħob li jmiss
Ilum
Stadium Nazzjonali
Birkirkara v Sliema W. 7.00pm
Għada
Victor Tedesco Stadium
Pietà H. v Gżira U. 2.00pm
Balzan v St. Andrews 4.00pm
Centenary Stadium
Senglea A. v Tarxien R. 2.00pm
Mosta v Hibernians 4.15pm
Il-Ħadd
Stadium Nazzjonali
Qormi v Ħamrun S. 2.00pm
Valletta v Floriana 4.00pm
//= $special ?>