Kienu problemi tekniċi li wasslu għat-tiġrif ta’ ajruplan żgħir f’ Ħal Safi sentejn ilu.
Hekk ħareġ mill-investigazzjoni li saret tal-ajruplan ta’ spjunaġġ Franċiż li ġġarraf fl-24 t’Ottubru 2016, għaxar sekondi biss wara t-tluq tiegħu mill-Ajruport Internazzjonli ta’ Malta. Fl-inċident tilfu ħajjithom il-ħames persuni li kienu abbord l-ajruplan.
Ingħad li dawk abbord kienu qed jinvestigaw rotot ta’ traffikar ta’ persuni u drogi.
L-istħarrig sab li d-difett tekniku oriġina f’xi modifikazzjonijiet li kellu l-ajruplan u bin-nuqqas ta’ xogħol xieraq ta’ manutenzjoni fuqu.
L-ajruplan li kien reġistrat fl-Istati Uniti kien propjetà ta’ kumpanija tal-avjazzjoni mill-Lussemburgu li tispeċċjalizza fis-sorveljanza ta’ spazji tal-ajru.
L-investigazzjoni tgħid ukoll li ma tistax tifhem għaliex t-torri tal-kontroll Malti ma kienx l-ewwel biex jagħti l-allarm, u titlob lill-awtoritajiet biex tinvestiga kif ukoll biex jiddaħħlu miżuri sabiex jiqsaru l-ħinijiet ta’ rispons mill-ekwipaġġ tal-emerġenza tal-ajruport.
//= $special ?>