Il-Korea ta’ Fuq u l-Korea ta’ Isfel laħqu ftehim biex jibagħtu ittra lill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali li fiha jikkonfermaw l-intenzjoni li jorganizzaw flimkien l-Olimpjadi tal-2032.
Uffiċjali sportivi miż-żewġ naħat kellhom diskussjonijiet dwar modi kif jespandu l-isport flimkien. L-istqarrija qalet ukoll li huma qablu li jiffurmaw tim flimkien biex jikkompeti fil-Kampjonat tad-Dinja tal-Handball tal-irġiel li se jsir fil-Ġermanja s-sena d-dieħla.
Il-President tal-Korea ta’ Isfel Moon Jae-in u l-mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong Un qablu li jippruvaw jorganizzaw l-Olimpjadi f’summit f’Pyongyang f’Settembru.
Dan hu pass ieħor ta’ għaqda bejn iż-żewġ pajjiżi wara li l-atleti kien imxew taħt bandiera waħda fiċ-Ċerimonja tal-Ftuħ fl-Olimpjadi tax-Xitwa aktar kmieni din is-sena. L-Indoneżja u l-Indja wkoll esprimew l-interess li jorganizzaw l-Olimpjadi fl-2032.
//= $special ?>