Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Feriment ta’ persuni f’Londra mhux jitqies bħala terroriżmu

L-awtoritajiet f’Londra mhumiex iqisu każ ta’ feriment fil-kapitali bħala terroriżmu u wara li żewġ irġiel spiċċaw jaqilgħu daqqiet bi strument li jaqta’ waqt ‘inċident’ fil-kwartieri-ġenerali ta’ Sony Music fiċ-ċentru tal-belt.

Pulizija armati u paramediċi wieġbu mal-ewwel għas-sitwazzjoni fil-bini partikulari li jinsab f’Derry Street, f’Kensington. Ir-rapporti, wara, qalu li l-pulizija għamlet żewġ arresti marbuta mal-każ u fejn sar magħruf li l-inċident kien dovut għal ‘ġlieda’ bejn ħaddiema tal-catering fil-bini tas-Sony ‘fejn il-persuni involuti spiċċaw jiġru wara xulxin fl-eqqel tal-argument vjolenti’.

Intant, malli ħareġ l-allert, in-nies spiċċaw evakwati mill-bini tas-Sony waqt li ngħalqu t-toroq fil-viċinanzi. Fl-istess ħin, kelliema għall-Pulizija Metropolitana qalu li ma kienx hemm il-provi li ntużaw armi tan-nar fl-inċident u li l-uffiċjali ma kenux qed jitrattaw il-każ bħala wieħed ‘xprunat minn xi intenzjoni terroristika’.

Ingħad ukoll li l-evakwazzjonijiet tan-nies saru bħala ‘prekawzjoni’ waqt li numru ta’ pulizija jinsabu stazzjonati f’dik iz-zona speċifika.

Wara l-inċident, il-paramediċi wasslu waħda mill-persuni aggrediti lejn ċentru mediku għat-trattament u bil-persuna midruba l-oħra tittieħed l-isptar. Ħadd mill-vittmi ma jinsab f’periklu tal-mewt, meta l-investigazzjonijiet qed ikomplu.