Fix-xhur li ġejjin il-konsumatur Malti mistenni jsib ma’ wiċċu prezz ogħla għall-patata.
Dan ifisser li l-konsumaturi se jkollhom jaffacjaw żieda oħra wara ż-żidiet fil-prezz tal-gass, tal-fjuwil, tal-ħobż, ġbejniet, ġobon, youghurts u prodotti oħrajn. Żieda li se tasal ukoll ftit ġimgħat biss qabel jogħla wkoll il-prezz tal-ħalib, fl-1 ta’ Diċembru.
Iż-żieda fil-prezz tal-patata ġejja minn diversi problemi fis-suq internazzjonali li wasslu għal nuqqas, bil-konsegwenza li l-produtturi internazzjonali, minn fejn jimpurtaw il-Maltin, għollew il-prezzijiet tagħhom taż-żerriegħa ta’ erba’ kwalitajiet differenti.
Net News hu nfurmat li ż-żieda fil-prezz hi waħda konsiderevoli.
Bi profitti dejjem inqas għall-bdiewa lokali, dawn ma jifilħux li jassorbu ż-żieda fil-prezz huma stess, u għalhekk dan mistenni jaffettwa l-prezz li se jħallas il-konsumatur lokali għall-patata.
F’pajjiżna hu kkalkulat li kull sena nikkunsmaw mal-5,000 tunellata ta’ patata prodotta lokalment u madwar 5,000 tunellata oħra ta’ patata impurtata minn barra.
Iżda ż-żieda fil-prezz issa se twassal għal problema oħra. Dan hekk kif produtturi lokali se jibdew jipproduċu inqas patata milli kienu jipproduċu qabel ladarba żdidulhom l-ispejjeż, bil-konsegwenza li se jonqsu wkoll il-profitti tagħhom.
Bid-domanda għall-patata li mhux mistennija tonqos, is-sitwazzjoni se twassal ukoll għal żieda fil-patata impurtata minn barra. Sitwazzjoni li mistennija tfisser daqqa ta’ ħarta oħra għall-produtturi lokali.
//= $special ?>