Internazzjonali

L-ARABJA SAWDIJA: ‘Użaw l-aċtu’ biex jiddisponu mill-katavru ta’ Khashoggi

Uffiċjal ewlieni tat-Turkija qal li jemmen li l-katavru tal-ġurnalista Sawdi Jamal Khashoggi – li spiċċa maqtul fit-2 ta’ Ottubru– ‘kien intefa’ fl-aċtu bil-għan li jinħall qabel l-aggressuri tiegħu setgħu iqattgħuh biċċiet biex jiddisponu minnu’.

Yasin Aktay, li hu konsulent għall-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, qal li ‘l-unika konklużjoni loġika’ f’dan il-każ hu li l-persuni li qatlu lill-ġurnalista fil-konsulat Sawdi ta’ Istanbul ‘riedu jeqirdu l-katavru biex ma jħallux it-traċċi’.

Hu tenna dan waqt intervista lill-gazzetta Torka, Hurriyet.

Khashoggi kien ilu magħruf bħala kritiku kbir tal-mexxejja tal-Arabja Sawdija. Intant, għalissa ma hemm l-ebda provi forensiċi li jissostanzjaw l-allegazzjoni li l-qattiela tal-ġurnalista użaw l-aċtu biex jiddisponu mill-katavru.

Sadanittant, Hatice Cengiz, il-mara li kienet qed tippjana biex tiżżewweġ lil Khashoggi, sejħet biex il-mexxejja tad-dinja ‘iressqu lill-qattiela għall-ġustizzja’.

Fl-istess ħin, ir-rapporti, issa, qed jikkwotaw lill-Prinċep Sawdi Mohammed bin Salman li, waqt diskors, jiem ilu, mat-Tmexxija tal-Istati Uniti, qal li kien jikkunsidra lil Jamal Khashoggi bħala ‘Islamista perikoluż’.

It-telefonata rappurtata lill-White House ta’ Washington saret qabel l-Arabja Sawdija kienet ammettiet li Khashoggi spiċċa maqtul ġewwa l-konsulat Sawdi f’Istanbul.

Din it-telefonata, skont ir-rapport, kienet tinvolvi lil Jared Kushner, li hu miżżewweġ lit-tifla tal-President Amerikan, Donald Trump u l-Konsulent Amerikan tas-Sigurtà Nazzjonali John Bolton.

Dan meta qed jingħad li l-Prinċep Mohammed kien tenna li ‘Khashoggi kien membru tal-Fratellanza Musulmana li hi organizzazzjoni Islamista fuq livell transnazzjonali’.

Ir-rapporti qed jgħidu li t-telefonata kienet saret fid-9 ta’ Ottubru – proprju ġimgħa wara l-għajbien ta’ Jamal Khashoggi. Ingħad ukoll li Mohammed, waqt din it-telefonata, ħeġġeġ lill-White House biex jippreserva l-alleanza ta’ Washington mas-Sawdi.

L-Arabja Sawdija qed tiċħad li l-familja rjali tagħha setgħet, b’xi mod, kienet involuta fil-qtil tal-ġurnalista u skont hi, ‘tinsab determinata biex issir taf bil-fatti kollha tal-każ’.