Lokali

L-inawgurazzjoni tac-Ċentru Ċiviku tal-Fgura imtappan minn diskors politikament diviżiv

Staqariija tal-Partit Nazzjonalista ikkundannat bla riserva d-diskors politikament diviżiv tal-Kunsillier Laburista Saviour Camilleri. Fil-bidu tad-diskors tiegħu, l-kunsillier Laburista Saviour Camilleri qal li filwaqt li l-Gvern ta’ għotja ta’ flus permezz tal-Awtorità tal-Ippjanar mill-Fond għall-Iżvilupp, mhux l-istess jista’ jgħid għall-Gvern preċedenti.

Il-kunsillieri Nazzjonalisti irrimarkaw li l-għotja ta’ flus li għamel il-Gvern permezz tal-Awtorità tal-Ippjanar huma flus tar-residenti tal-Fgura bi dritt u mhux bi pjaċir. Dawn il-flus inġabru mingħand kuntratturi u żviluppaturi li għamlu xi tip ta’ bini fil-lokalità u minħabba inkonvenjent li ħolqu fil-lokalità jew minħabba li ma pprovdewx parkeġġ adekwat fl-iżvilupp li għamlu, ġew obbligati jħallsu somom ta’ flus bħala kumpens għal dan l-inkonvenjent. Għalhekk, dak li ta’ l-Gvern Laburista lil Fgura ma kienux fondi Governattivi iżda kienu tal-Fgura bi dritt u mhux bi pjaċir.

Il-Kunsillieri Charles Bonello u Mark Lombardo jsostnu li tul iż-żmien li l-Partit Nazzjonalista għamel fil-Ġvern għamel investimenti kbar, li s’issa Gvernijiet Laburisti għadhom ‘il bogħod ħafna milli jlaħħqu magħhom.

Fost il-proġetti li saru fi żmien Ġvernijiet Nazzjonalisti nsibu:

Il-kostruzzjoni ta’ Ġnien Patri Redent Gauci
Iz-zuntier tal-Knisja parrokkjali
Ir-rikostruzzjoni ta’ Pjazza Reggie Miller
Bini ta’ 8 blokki residenzjali fi Triq Mary Carter
Għoti ta’ wiċċ lit-toroq kważi kollha li ma kienux iffurmati
Ir-rikostruzzjoni ta’ Triq Hompesch
Ir-restawr tal-monument tas-Salib
Għajnuna sabiex ġie konkluż il-proġett tal-kumpless tal-Fgura Utd FC
Ftuħ taċ-Ċentru tas-Servizzi Soċjali

Il-Kunsillieri Nazzjonalisti jistiednu lil Saviour Camilleri sabiex anke hu jagħmel pubblikament elenku ta’ dak li sar minn dan il-Gvern.

Id-diskors tal-Kunsillier Saviour Camilleri mħux biss kien l-uniku diskors politikament diviż li sar f’din l-inawgurazzjoni iżda l-istess kunsillier abbuża mill-ftehim li sar waqt l-aħħar laqgħa tal-Kunsill Lokali. Dan l-abbuż seħħ għaliex is-Sur Camillieri kien awtorizzat mill-Kunsill sabiex jitkellem fuq il-faċilitajiet il-godda li joffri ċ-Ċentru Ċiviku l-ġdid, iżda Camillieri għażel li jabbuża minn dan il-ftehim u filwaqt li beda d-diskors tiegħu b’dan il-kliem politikament diviżiv, kompla jitkellem fost l-oħrajn fuq proġetti għat-triq principali tal-Fgura kif ukoll dwar by pass li jgħaddi minn żona barra ż-żona tal-iżvilupp f’Wied Blandun, żewġ temi li qatt ma ġew diskussi fiż-żminijiet riċenti mill-Kunsill Lokali.

Il-Kunsillieri Nazzjonalisti  tennew id-dispjaċir tagħhom li l-kunsillier Laburista Saviour Camillieri irnexxielu jtappan din iċ-ċerimonja li kellha tgħaqqad lil kulħadd anke għall-fatt li huma ħadmu ħafna sabiex din l-inawgurazzjoni tkun suċċess, xorta waħda se jkomplu jaħdmu għall-ġid tal-Fgura u r-residenti tagħha. Għall-Kunsillieri Nazzjonalisti, il-ġid tal-lokalità jiġi qabel diskorsi politikament diviżivi kif għoġbu jagħmel il-kunsillier Laburista Saviour Camilleri.

L-istqarrija kienet ifferimata minn Charles Bonello, Minority Leader u Mark Lombardo, Kunsillier Nazzjonalista fil-Fgura.