Internazzjonali

L-Indoneżja: Tfittxija għat-tieni kaxxa sewda tal-ajruplan tal-Lion Air

Il-bugħaddasa Indoneżjani qed ikomplu jfittxu għat-tieni kaxxa sewda tal-ajruplan tal-Lion Air li ġġarraf fil-baħar ftit tal-jiem ilu, bir-riżultat li mietu l-189 persuna abbord.

Dan meta l-investigaturi kienu qed isibuha diffiċli biex jiġbru d-data mill-ewwel recorder (kaxxa sewda) tal-ajruplan Boeing 737 MAX 8 li kien elevat mill-baħar f’nofs il-ġimgħa.

It-traġedja bl-ajruplan seħħet nhar it-Tnejn fil-Baħar ta’ Java, bil-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru jitilfu l-kuntatt miegħu ftit wara li kien telaq mill-kapitali, Jakarta, għal vjaġġ lejn il-belt ta’ Pangkal Pinang.

Għalissa, l-investigaturi rnexxielhom jidentifikaw passiġġier wieħed biss minn dawk li mietu. Fl-istess ħin, kelliema għall-investigaturi qalu li ma kisbux id-data li xtaqu mill-kaxxa s-sewda li nstabet, minħabba li din kellha xi partijiet miksura.

Għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-investigaturi kienu qed jistennew il-parir tal-kumpanija Boeing jew tan-National Transportation Safety Board tal-Istati Uniti.

Il-pilota tal-Boeing, nhar it-Tnejn, kien talab u rċieva l-permess biex idur lura lejn l-ajruport ta’ Jakarta (waqt it-titjira) u għalissa l-kawża tat-tmiem traġiku tal-ajruplan għadu misteru.

Fl-istess ħin, qed isir minn kollox biex tinstab it-tieni kaxxa sewda li tinkorpora l-voice recorder tal-kabina u l-flight recorder. Dan meta ‘ilhom jinstemgħu l-ħsejjes minnha (f’lokalità taħt il-baħar li għadu ma nstabitx) għal tal-anqas jumejn’.