Internazzjonali

L-Istati Uniti: Il-Gvern ta’ Trump jerġa’ jintroduċi s-sanzjonijiet antiki kollha għall-Iran

IL-Gvern tal-President Amerikan Donald Trump qed jerġa’ jintroduċi s-sanzjonijiet kollha li l-Istati Uniti eżerċitat, żmien ilu, fil-konfront tal-Iran u li kienu tneħħew taħt il-ftehim nukleari tal-2015.

IL-White House ta’ Washington qal li dan il-pakkett ta’ sanzjonijiet ‘hu l-aktar wieħed aħrax li qatt ġie impost għall-Iran’ meta fil-mira hemm is-setturi tal-enerġija, l-banek u t-trasbord tar-Repubblika Iżlamika.

Sadanittant mhumiex se jkunu imposti penali (mill-Istati Uniti) għal tmien pajjiżi li komplew jimpurtaw iż-żejt mill-Iran.

L-iżviluppi huma l-aħħar f’sitwazzjoni ta’ tensjoni kbira bejn Washington u Tehran u li ilha għaddejja mindu l-President Trump irtira mill-fehim nukleari storiku tal-2015 (mal-Iran) li rrefera għalih bħala ‘difettiv’.

Il-ftehim wassal biex l-Iran jillimita l-attivitajiet nukleari tiegħu u bil-potenzi tal-Punent inaqqsu s-sanzjonijiet ta’ dak iż-żmien fil-konfront ta’ Tehran.

Ir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja, ir-Russja u ċ-Ċina kienu wkoll imsieħba fil-ftehim tal-2015 u baqggħu jirrispettawha. Madankollu Trump jinsisti li t-termini tal-ftehim mhumiex aċettabbli u li, fost oħrajn, ma żammewx lill-Iran milli jiżviluppa programm għall-missili ballistiċi jew milli jagħmel l-interventi f’pajjiżi bħas-Sirja u l-Jemen.

Intant, l-Iran qed iwaħħal fi Trump għal ‘gwerra psikoloġika’ fil-konfront tiegħu, b’kelliem għar-reġim f’Tehran itenni li pajjiżu ‘ma kienx inkwetat bir-ritorn tas-sanzjonijiet tal-Amerikani’.