Lokali

AĠĠORNATA: Liam Debono jispiċċa l-isptar; marru għalih fuq il-post tax-xogħol

Mhux magħruf eżatt kemm huma gravi l-ġrieħi li sofra

Liam Debono spiċċa rikoverat l-Isptar wara li grupp ta’ żgħażagħ allegatament aggredewh f’Ħal Luqa. Il-każ seħħ għall-ħabta tat-3pm.

Net News hu nfurmat li Debono deher dieħel ma’ grupp ta’ ħbieb fil-Poliklinika ta’ Rahal Ġdid b’feriti, f’rasu u f’wiċċu. Mhux magħruf eżatt il-gravità ta’ dawn il-ġrieħi.

Sa issa, mhux magħruf eżatt għaliex dawn il-persuni – grupp ta’ madwar ħamsa – aggredew liż-żaghżugħ.

Sorsi indipendenti qalulna li ż-żgħażagħ marru għal Debono fuq il-post tax-xogħol tiegħu, u allegatament sawwtuh bi frosta.

Liam Debono, li jinsab akkużat bl-attentat ta’ qtil tal-Kuntistabbli Simon Schembri, kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fit-28 ta’ Settembru li għadda. U huwa propju għalhekk li jinsab barra.

Dakinhar, id-difiża kienet għamlet l-argument illi l-imputat għadu meqjus innoċenti. Minn naħa l-ohra, l-Ufficcju tal-Avukat Ġenerali kien għamel referenza għall-karattru ta’ Debono u qal li dan m’għandux rispett lejn l-awtorità. Id-difiża insistiet li Liam Debono kien ddispjaċut għal dak li ġara.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Antonio Mizzi, kienet laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest b’diversi kundizzjonijiet, fosthom depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €40,000. Hu qed jiffirma l-għassa taż-Żejtun kull nhar ta’ Sibt, filwaqt li ma jistax joħroġ barra bejn id-9.00pm u s-6.00am.

Għal Debono qed jidhru l-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia.

Fl-aħħar jiem il-każ ta’ Liam Debono kien qajjem kontroversja sħiħa wara li ġiet irrekordjata intervista maż-żagħżugħ li għadu għaddej proċeduri l-Qorti, liema intervista twaqqfet milli tixxandar b’digriet mill-Maġistrat Joe Mifsud.