Lokali

M’hemmx xorb jekk se ssuq

Illum ġiet imnedija policy ġdida dwar il-konsum tal-alkoħol f’pajjiżna.

Din il-policy tindirizza tlett aspetti differenti imma lkoll relatati max-xorb – ix-xorb taħt l-età, l-effetti negattivi tax-xorb fil-popolazzjoni ġenerali u x-xorb u s-sewqan.

Il-limitu ta’ livell ta’ alkoħol li jista’ jiġi kkunsmat minn sewwieq se jinżel minn 0.8 grammi ta’ alkoħol għal 0.5 grammi. Dan ifisser li issa min jixrob nofs pinta birra jew grokk  ta’ spirtu jew anke tazza nbid żgħira jkun qabeż il-limitu. Effettivament il-policy qed tgħid li wieħed ma jista jixrob l-ebda tip ta’ xorb alkoħoliku jekk ikun se jsuq.

Il-limitu huwa inqas, jiġifieri 0.2 grammi, għal dawk li kisbu l-liċenzja tas-sewqan inqas minn sentejn ilu, għas-sewwieqa tal-muturi, sewwieqa ta’ trakkijiet, u sewwieqa tat-taxis jew vetturi oħra li jġorru iktar minn tmien passiġġieri.

Il-policy titlob ukoll infurzar iktar strett tal-liġijiet li diġa jeżistu dwar il-bejgħ u konsum ta’ xorb fost dawk taħt l-età, u aktar programmi ta’ għarfien fuq il-media. Dan minbarra li ż-żgħażagħ jingħataw miżuri preventivi addattati.

Il-policy tfittex ukoll li tindirizza l-effetti tax-xorb żżejjed bħall-mard u problemi oħra ta’ saħħa relatati max-xorb billi tapplika iktar kontrolli fuq il-bejgħ tal-alkoħol, tillimat l-konsum tal-alkoħol f’avvenimenti fejn hemm probabbiltà ta’ vjolenza, kif ukoll tindirizza l-użu ħażin tal-alkoħol fuq il-post tax-xogħol.