Futbol Sport

Napoli jirritornaw għar-rebħ

(Ritratt: EPA)

Napoli telgħu momentarjament waħedhom fit-tieni post, tliet punti taħt Juventus, b’rebħa kbira ta’ 5-1 fuq Empoli f’logħba li ntlagħbet fi Stadio San Paolo. Il-kowċ ta’ Napoli Carlo Ancelotti serraħ diversi plejers bi preparazzjoni għall-partita importanti kontra PSG.

Napoli kellhom bidu mill-aqwa u fetħu l-iskor wara biss disa’ minuta b’azzjoni tajba tad-difensur Kalidou Koulibaly li avvanza mid-difiża u qassam lejn LORENZO INSIGNE li għeleb lil Ivan Provedel b’xutt fil-baxx għar-rokna biex skorja s-seba’ gowl fil-kampjonat. Huma rduppjaw fit-38 minuta b’xutt preċiż fil-baxx minn barra l-kaxxa ta’ DRIES MERTENS.

Empoli daħlu fil-logħba fit-58 minuta b’ħarba tajba ta’ FRANCESCO CAPUTO li għeleb lil Orestis Karnezis b’xutt għar-rokna, iżda sitt minuti wara DRIES MERTENS reġa’ skorja b’xutt sabiħ minn fuq il-linja tal-kaxxa l-kbira. Il-Partenopei ssiġillaw ir-rebħa b’żewġ gowls fil-ħin miżjud tas-sostitut ARKIADIUSZ MILIK u DRIES MERTENS.

Tags