Futbol Sport

Usain Bolt ma jilħaqx ftehim ma’ Central Coast Mariners

(Ritratt: EPA)

Usain Bolt mhux se jkun qed jibda l-karriera professjonali fl-Awstralja wara li Central Coast Mariners għażlu li ma jtuhx kuntratt. Il-Ġamajkan, tmien darbiet Champion Olimpiku kien ingħaqad mat-tim tal-A League f’Awwissu għall-perjodu indefinit.

Hu skorja doppjetta fl-ewwel partita ta’ ħbiberija, iżda ma lagħbx logħbiet meta beda l-istaġun. Central Coast Mariners qalu li l-isforzi biex jaslu fi ftehim kummerċjali fallew.

Ix-xahar l-ieħor, il-Mariners kienu qalu li għamlu proposta bbażata fuq termini ta’ futbol u kummerċjali, iżda indikaw kontribuzzjoni minn parti oħra. Il-klabb Awstraljan żied li minkejja laqgħat ma’ sħab potenzjalment pożittivi, ma ntlaħaq l-ebda ftehim.

Bolt li rtira mill-atletika s-sena l-oħra, fil-passat tħarreġ ma’ Borussia Dortmund il-klabb Sud Afrikan Mamelodi Sundowns u n-Norveġiżi ta’ Stromsgodset. Madwar ġimagħtejn u nofs ilu, Bolt kien offrut kuntratt ta’ sentejn miċ-champions Maltin Valletta, kuntratt li l-Ġamajkan irrifjuta.